Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr190498

PR190498

11/03/2019

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAS-SERVIZZI FINANZJARJI, EKONOMIJA DIĠITALI U INNOVAZZJONI

Riżultat tal-proġett Accurate Cancer Screening Tests (ACT) – identifikazzjoni ta’ kif wieħed jifhem l-attitudni tat-tumur permezz ta’ użu innovattiv tat-teknoloġija. Il-proġett ACT ibbenefika minn €190,000 mill-programm FUSION.

Permezz tal-użu innovattiv tat-teknoloġija, proġett tar-riċerka bl-isem ta’ Accurate Cancer Screening Tests (ACT), identifika modi sabiex wieħed jifhem l-attitudni tat-tumur li se twassal għal tekniċi inqas invażivi fuq pazjenti morda bil-kanċer. 

Ir-riżultati tal-proġett ACT kienu ppreżentati mill-Professur Godfrey Grech lis-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri fil-preżenza tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u taċ-Chairman tal-MCST Jeffrey Pullicino Orlando.

Il-proġett ACT, li bbenefika minn €190,000 mill-programm FUSION amministrat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, identifika set ta’ marki ġodda li jgħinu sabiex ikun previst il-firxa tat-tumur f’partijiet li huma differenti mill-organu ta’ oriġini. 

Fl-intervent tiegħu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, qal li l-kanċer hija marda li hija personalizzata u għalkemm ngħidu kanċer ta’ organu partikolari, bħal kanċer tas-sider, lil kull persuna jaffetwa differenti. 

Id-Deputat Prim Ministru qal li riċerka bħal dik ippreżentata tgħinha nifhmu aktar u nittrataw lil kanċer b’mod individwalizzat.

Huwa faħħar lil Professur Grech u t-team tiegħu tal-ħidma u d-dedikazzjoni tagħhom. Id-Deputat Prim Ministru żied jgħid li l-Ministeru għas-Saħħa flimkien mal-Cancer Trust Foundation se jkunu qegħdin iwaqqfu istituzzjoni biex ikomplu jiġbu aktar fondi għar-riċerka tal-kanċer. 

Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri qal li r-riċerka u l-innovazzjoni jmorru flimkien sabiex tinstab soluzzjoni u fil-każ tas-settur tas-saħħa l-irwol tagħhom flimkien hu essenzjali, kif rajna fl-avvanzi l-kbar li seħħew fis-settur mediku fl-aħħar diċenji. 

“Għalhekk huwa kruċjali li nibqgħu ninvestu fil-programm FUSION sabiex ninkoraġixxu riċerkaturi Maltin biex isostnu r-riċerka tagħhom u jidentifikaw soluzzjonijiet. Inħossni sodisfatt kif ir-riċerka qed tiżvilluppa. Fil-fatt permezz ta’ dan il-fond ingħataw mat-€8 miljun li ġew investiti fir-riċerka li qed tħalli impatt fuq l-ekonomija,” qal is-Segretarju Parlamentari Schembri. 

Huwa rringrazzja lir-riċerkaturi u x-xjentisti involuti fil-proġett partikolarment dawk iż-żgħażagħ li investew il-ħin tagħhom fil-proġett. “Li tkun xjentist mhuwiex sempliċiment xogħol iżda missjoni li ssir b’passjoni u għalhekk kommessi li nsostnu x-xogħol u l-isforzi tagħhom fl-aqwa interess tagħhom u għall-aħjar tas-soċjetà.”

Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, faħħar pubblikament lill-Professur Godfrey Grech, riċerkatur Malti li mexxa l-konsorzju flimkien ma’ Applied Biotech Limited għal kontribut importanti li taw lejn l-iscreening tal-kanċer. “Dan il-konsorzju ħadem b’entużjażmu liema bħalu sabiex inħoloq kit ta’ djanjosi ġdid biex jinqabad il-kanċer tas-sider u dak tal-musrana l-kbira fi stadji aktar bikrija. Skont statistika maħruġa mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, bejn tletin sa ħamsin fil-mija tal-każijiet tal-kanċer jistgħu jiġu evitati u għalhekk żviluppi bħal dawn huma notevoli,” qal iċ-Chairman Eżekuttiv. 

Waqt il-preżentazzjoni l-Professur Grech, li mexxa l-proġett, spjega li l-użu amplifikat tat-teknoloġija fil-laboratorju kienet kruċjali sabiex wieħed iħares mill-qrib lejn l-attitudni tat-tumur u jidentifika tumuri f’kampjuni tad-demm biex jippermetti s-sorveljanza tal-pazjent waqt it-terapija. 

L-għanijiet ewlenin ta’ ACT kien li tiżdied il-preċiżjoni u s-sensittività tat-teknoloġija, li tistudja ċelloli marbuta ma’ tumur fil-kanċer tal-musrana u l-kummerċjalizzazzjoni preċiża tat-testijiet mediċinali. 

Huwa spjega li b’suċċess, il-proġett ACT adotta teknoloġija li tidentifika tumuri fil-musrana fid-demm permezz ta’ testijiet innovattivi b’iżjed preċiżjoni, kif ukoll żvilluppat prototip ta’ mediċini għall-kanċer tas-sider li huma verifikati u lesti biex ikunu kkumerċjalizzati.

Il-Professur Grech żied li l-proġett ACT serva ta’ pjattaforma biex ir-riżultati jimxu għal klinika bil-għan ikun li nimxu għal inqas firxa tat-tumur u tekniċi iżjed sensittivi. Grech spjega li l-verifikazzjoni ta’ riżultati saret fuq il-kanċer tas-sider u issa qed tkun analizzata fuq il-kanċer tal-musrana.