Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr190504

PR190504

12/03/2019

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU: Permezz tal-iscreening jinstabu 33 każ bikri ta’ kanċer tal-musrana l-kbira

Minn kemm ilu jsir l-iscreening tal-kanċer tal-musrana l-kbira, fl-2013, instabu 33 każ ta’ kanċer tal-musrana. Dan qalu d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne hekk kif illum tnediet kampanja għal għarfien fuq il-kanċer tal-musrana.

“Marzu huwa x-xahar iddedikat għal aktar għarfien dwar il-kanċer tal-musrana u allura għal għarfien ukoll dwar il-mezzi ta’ prevenzjoni kontra din it-tieni l-iktar kawża komuni ta’ mwiet marbutin mal-kanċer. Il-programm ta’ prevenzjoni li qegħdin nenfasizzaw aktar fuqu llum ilu li nbeda mis-sena 2013 u kellna riżultati tajbin. Ir-rispons minn dawk għalihom immirat dan il-programm ta’ prevenzjoni qiegħed dejjem jitjieb, imma jista’ jiżdied aktar. Qegħdin issa nwessgħu anke l-età ta’ dawk li lilhom qegħdin nappellaw jagħmlu dan it-test. Fil-fatt qegħdin nistiednu lil kull mara u raġel li l-età tagħhom tvarja minn 55 sa 69 sena biex jagħmlu dan il-pass ta’ prevenzjoni,” enfasizza d-Deputat Prim Ministru.

Matul dan ix-xahar id-Dipartiment tan-National Screening Programme tal-Kura Primarja se jkunu qegħdin iżuru ċ-ċentri tas-saħħa fejn se jitqassmu kotba ta’ informazzjoni fuq l-importanza li jsir dan it-test. Apparti hekk, iċ-ċittadini kollha li jaqgħu fl-età ta’ bejn il-55 u d-69 sena se jkunu qegħdin jirċievu bil-posta l-kit relatat li mbagħad ikun irid jintbagħat lura wkoll bil-posta.

It-test għal eżaminar tal-musrana huwa wieħed sempliċi u permezz tiegħu jkun identifikat jekk ikunx hemm traċċi ta’ demm moħbi fl-ippurgar. F’każ ta’ riżultat pożittiv, isiru iktar testijiet, bħal colonoscopy. Permezz ta’ dan it-test, li l-ewwel pass tiegħu jsir fil-kumdità tad-dar ta’ kull individwu, il-kanċer tal-musrana jista’ jinqabad fi stadju bikri, kif ukoll tista’ tippreveni l-iżvilupp tal-istess kanċer.

Il-kanċer tal-musrana huwa t-tieni l-iktar kawża komuni ta’ mwiet marbutin mal-kanċer. Kull sena jinstabu medja ta’ 265 każ ġdid tal-kanċer tal-musrana. Huwa ftit aktar komuni fl-irġiel milli fin-nisa. Statistika uffiċjali turi li f’dawn l-aħħar ħames snin kien hemm medja ta’ 150 każ fl-irġiel u medja ta’ 115-il każ fin-nisa. L-inċidenza tal-kanċer tal-musrana tibda tiżdied wara li l-individwu jagħlaq 55 sena u hija l-aktar komuni fl-età ta’ ’l fuq minn 70 sena.

“Permezz tal-programm ta’ testijiet in-numru ta’ Maltin u Għawdxin li jmutu ta’ kull sena kawża tal-kanċer tal-musrana jista’ jitnaqqas. L-għan tat-test huwa li l-kanċer jinqabad kmieni u allura t-trattament ikun aktar effettiv. Jista’ wkoll jiġi identifikat u jitneħħa felul li biż-żmien jista’ jiżviluppa f’kanċer. Jekk il-kanċer jinstab qabel ma jinfirex ’l barra mill-musrana, iċ-ċans li wieħed jgħix mill-inqas ħames snin minn wara d-dijanosi huwa ta’ 90%,” qal id-Deputat Prim Ministru.

Minn meta nbeda l-programm tat-test fl-2013 instabu 141 każ ta’ kanċer tal-musrana u 2,000 persuna li kellhom felul. Is-sena li għaddiet bejn l-Isptar Mater Dei u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex saru 780 colonoscopy u nstabu 33 każ ta’ kanċer tal-musrana.

Fil-preżent kull ġimgħa jintbagħtu aktar minn 1,000 stedina biex isir dan it-test. Matul is-sena li għaddiet kienu ntbagħtu aktar minn 31,500 stedina. Wieġbu għal din is-sejħa ftit aktar minn 17,300. Huwa ta’ sodisfazzjon li r-rata ta’ parteċipazzjoni qiegħda dejjem tiżdied, tant li s-sena li għaddiet laħqet kważi 55%. Kien inbeda għal persuni li l-età tagħhom kienet tvarja minn 60 sa 64 sena, b’kull sena titwessa’ d-differenza. Sas-sena li għaddiet kienu ntlaħqu dawk kollha li l-età tagħhom kienet tvarja minn 57 sa 69 sena. Kull persuna tkun mistiedna tagħmel it-test kull sentejn. 

Minn meta nbeda l-programm fis-sena 2013 lil hawn kienu mistiedna jieħdu sehem  madwar 166,000 persuna.

It-tnedija tal-kampanja saret fil-binja tal-Kunsill Lokali ta-Belt fejn wara tkompliet il-kampanja li d-Dipartiment tal-Kura Primarja fil-Komunità qed jagħmel b’kordinazzjoni mal-kunsilli lokali għal ħajja aktar sana fost iċ-ċittadini. Tul dawn is-sessjonijiet iċ-ċittadini tal-lokalità partikolari jingħataw tagħrif dwar x’ikel għandhom jieklu, dwar x’dieta għandhom isegwu, kif ukoll x’eżerċizzji fiżiċi jistgħu jagħmlu. Isirulhom ukoll testijiet tad-demm għal-livell ta’ zokkor u tal-pressjoni.