PR190544

15/03/2019

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA U L-IMMANIĠĠJAR TAL-ILMA U MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI

Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi qal li s-setturi tal-enerġija u tal-ilma huma oqsma strateġiċi u li l-provvista adekwata tagħhom hi essenzjali għas-setturi kollha biex jibqa’ jiġi sostnut it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna.

Qal dan waqt li indirizza l-konferenza inter-ministerjali “Ippjanar u Twettiq” bit-tema ‘Governanza tar-Riżorsi’ fejn tkellem dwar il-politika tal-gvern li jwassal provvista tal-elettriku u tal-ilma bl-aktar mod sostenibbli, sigur u ta’ kwalità għolja bi prezzijiet affordabbli għall-familji u għan-negozji.

Il-Ministru fakkar li s-sena li għaddiet rajna l-iżżarmar tal-power station antika u ineffiċjenti tal-Marsa u l-parti l-antika ta’ Delimara kif ukoll il-qalba mill-użu tal-heavy fuel oil għall-gass naturali.

Semma wkoll l-investiment li sar grazzi għall-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma fi ħdan il-Ministeru biex Malta tingħaqad mal-grid Ewropew tal-gass fejn sal-2020 se tkun sottomessa applikazzjoni għal kofinanzjament mill-Unjoni Ewropea għall-bini tal-pipeline bejn Malta u Ġela fi Sqallija, proġett li ġie identifikat bħala Proġett ta’ Interess Komuni mill-Kummissjoni Ewropea.

“B’investiment ta’ madwar 350 miljun ewro l-pipeline se joffri alternattiva għat-tanker tal-gass li bħalissa hu sorġut f’Delimara u l-possibbiltà għal Enemalta biex tixtri gass naturali minn sorsi diversi u bi prezzijiet kompetittivi”, qal il-Ministru.

Il-qasam tal-ġenerazzjoni għaddej ukoll minn bdil strutturali hekk kif perċentwal dejjem ogħla ta’ elettriku qed jiġi ġenerat minn sistemi ta’ pannelli fotovoltajċi. Il-gvern kompla jinċentiva lill-familji u lis-settur kummerċjali biex jinvestu f’dan il-qasam b’għoti ta’ grants u ta’ feed-in tariffs. Il-Ministru Joe Mizzi ħabbar li għadha kemm ġiet allokata għajnuna lil numru ta’ investituri ta’ solar farms.

L-investiment fil-ġenerazzjoni hu akkumpanjat minn investiment ta’ madwar 80 miljun ewro minn Enemalta fid-distribuzzjoni li jinkludi l-bini ta’ ċentri ta’ distribuzzjoni kif ukoll sistemi ta’ kontroll awtomatiċi biex tkompli tirrispondi għall-ħtiġijiet tal-pajjiż. Sar ukoll titjib fl-immaniġġjar ta’ smart meters biex ikun awtomatiku u regolari.

Fil-qasam tal-provvista u tal-ħażna tal-fuels, il-gvern assigura li jsir investiment neċessarju biex issir ir-rilokazzjoni tat-tankijiet tal-ħażna tal-fuel li hemm f’Birżebbuġa. Dan l-investiment li qed isir fl-Impjant ta’ Ħas-Saptan se jwassal biex l-infrastruttura tkun aġġornata f’konformità mal-istandards internazzjonali kollha relatati ma’ sigurtà u ma’ emissjonijiet.  

Fil-qasam tal-enerġija sostenibbli l-gvern iħaddem numru ta’ skemi ta’ għajnuna għal min jinvesti f’solar water heaters, heat pump water heaters, roof insulation, double glazing u anke għar-restwar tal-bjar. Sar ukoll investiment ta’ madwar 1.5 miljun ewro f’tibdil ta’ bozoz LED f’toroq arterjali u distributorji li mistenni jwassal għal tnaqqis ta’ madwar 70 fil-mija fil-konsum.

“Żgur li l-proġett ‘Net Zero Impact Utility’ imniedi mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma b’investiment ta’ madwar €150 miljun hu l-ikbar proġett qatt implementat fis-settur tal-ilma f’Malta”, qal il-Ministru. Dan il-proġett jinkludi l-bini ta’ mina bejn ir-Reverse Osmosis ta’ Pembroke u l-ġibjuni f’Ta’ Qali, il-bini ta’ impjant tar-Reverse Osmosis ġdid f’Għawdex u t-titjib sostanzjali fin-network tad-drenaġġ. Il-Ministru semma wkoll li l-Korporazzjoni qed tiżviluppa networks estensivi għad-distribuzzjoni tan-New Water biex jitwassal f’diversi żoni agrikoli f’pajjiżna. 

Proġett ieħor hu l-Kampanja Nazzjonali għall-Konservazzjoni tal-Ilma li titnieda mill-Aġenzija fil-ġimgħat li ġejjin u li tinkludi attivitajiet dwar il-konservazzjoni tal-ilma f’kull belt u f’kull raħal.

Fl-intervent tiegħu, is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar ikkwota l-Eurostat li wriet kemm issaħħet il-fiduċja tan-nies fis-Servizz Pubbliku. Sostna li din ma ġietx mix-xejn u segwiet ħidma f’dawn l-aħħar snin. 

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni fakkar li s-Servizz Pubbliku nbidel minn issue fl-2013, għal wieħed li jirbaħ awards internazzjonali. Għalkemm mhux bla preċedent, l-investiment fis-Servizz Pubbliku fl-aħħar snin bena fuq it-tajjeb li sar u rranġa dak li kien hemm bżonn. 

Is-Sur Cutajar saħaq li biex jingħata servizz ta’ kwalità, wieħed irid ikun jaf sew xi jrid il-klijent. Għalhekk wieħed irid jiddefinixxi eżattament x’inhi l-kwalità tas-servizz li l-klijent se jiġi offrut billi jisma’ lill-istakeholders kollha u  jeċċedi l-aspettattivi tagħhom, jitfasslu l-policies meħtieġa, jiġi offrut pakkett ta’ servizzi attraenti u dan kollu bla ma tiġi mittiefsa l-kontabilità.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni elenka l-viżjonijiet tas-Servizz Pubbliku fosthom li s-servizz jingħata 24/7 permezz tal-eGovernment u l-One-Stop-Shop onlajn. Qal li l-amministrazzjoni preżenti waslet biex taqbeż il-persentaġġ ta’ 25 fil-mija li bih wiegħdet li tnaqqas il-burokrazija. Huwa semma speċifikament is-suċċess qawwi ta’ servizz.gov.

Dwar il-kontabilità qal li din mhux biss trid tibqa’ hemm iżda tissaħħaħ aktar kif jixhdu rapporti li jsegwu dawk mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) fejn is-Servizz Pubbliku wera li qed iwettaq mat-80% tar-rakkomandazzjonijiet tal-NAO.

Is-Sur Cutajar irrefera għall-fatt li l-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma huwa ministeru partikolari, fis-sens li huwa magħmul l-aktar minn entitajiet li llum saru joperaw b’mod aktar awtonomu wara li s-Servizz Pubbliku implimenta miżuri ta’ deċentralizzazzjoni biex l-entitajiet ikunu aktar ħielsa f’xogħolhom u jerfgħu r-responsabbiltajiet li għandhom jerfgħu. 

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li l-liġi dwar l-Amministrazzjoni Pubblika li daħlet fis-seħħ dax-xahar mill-Parlament tfasslet miċ-Ċivil innifsu li stabbilixxa kemm il-valuri u anke r-responsabbiltajiet tiegħu. Din il-liġi ma tfissirx biss li hemm il-fiduċja tan-nies fl-abbiltà li s-Servizz Pubblika jirregola lilu nnifsu iżda anke tal-Gvern fis-Servizz Pubbliku li jħallih jaħdem, ifassal il-miri u jilħaqhom u jagħti rendikont tagħhom.