Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr190567

PR190567

20/03/2019

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FAMILJA, DRITTIJIET TAT-TFAL U SOLIDARJETÀ SOĊJALI U MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: Jiftaħ it-tmien one-stop-shop tas-servizz.gov

Wara li f’Jannar li għadda nfetaħ l-ewwel one-stop-shop speċjalizzat li jinkorpora fih is-servizzi edukattivi taħt saqaf wieħed, issa twaqqaf ċentru ieħor bl-istess kunċett, din id-darba għal servizzi mmirati lejn il-familja. Flimkien ma’ Business 1st u mal-ħames ċentri reġjonali, dan huwa t-tmien one-stop-shop għas-servizz.gov. 


Ċentru Servizz Familja – servizz.gov se jkun qed joffri diversi servizzi speċjalizzati fosthom dawk fuq is-sigurtà soċjali, dawk marbuta mal-anzjani u persuni b’diżabilità, u fuq il-ħarsien soċjali. Dan iċ-ċentru se jkun qed joffri wkoll servizz b’appuntament fejn numru ta’ impjegati pubbliċi minn entitajiet varji li jaqgħu taħt il-kappa tal-Ministeru, se jkunu qed joffru servizz ta’ espert fil-qasam rispettiv tiegħu. Dawn l-entitajiet jinkludu l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbilità, il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, u d-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva. 

Barra minn hekk, dan il-one-stop-shop se jkollu uffiċċju ta’ servizz.gov biex jekk wieħed ikollu bżonn jinqeda fuq servizzi governattivi oħra jista’ jagħmel dan taħt saqaf wieħed. 

Il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali kompla jsaħħaħ is-servizzi tiegħu lejn il-pubbliku, permezz tat-twaqqif ta’ dan iċ-ċentru fil-Floriana, ċentru li minnu se jkunu offruti s-servizzi kollha tal-Ministeru taħt saqaf wieħed.

It-tnedija ta’ dan it-tieni one-stop-shop saret mill-Ministru għall-Familja, Drittijiet Tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon u mis-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon qal li ċ-Ċentru Servizz Familja, jixhed l-impenn li jingħata servizz ta’ kwalità lejn il-familja fid-diversi forom tagħha, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli. 

Il-Ministru Michael Falzon enfasizza li dan il-pass sar bil-kollaborazzjoni tas-Segretarju Permanenti Mario Cutajar, tat-taqsima tas-servizz.gov u tal-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali.

Il-Ministru Michael Falzon qal li dan se jkun pass li se jagħmel differenza kbira fil-ħajja ta’ dawk il-persuni li jixtiequ informazzjoni dwar kull servizz li jaqa’ taħt il-Ministeru.

Dan iċ-ċentru se jkun operat minn seba’ ħaddiema (tnejn mis-servizz.gov flimkien ma’ ħames aġenti tekniċi) li lkoll ingħataw taħriġ speċjalizzat biex ikunu jistgħu jaqdu każijiet marbuta ma’ dan il-Ministeru.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni qal kif is-servizz.gov u s-Servizz Pubbliku qed ikomplu jeċċedu l-aspetattiva tal-pubbliku. Dan is-servizz ta’ eċċellenza qiegħed jintleħaq fost l-oħrajn permezz taċ-ċentri reġjonali fejn il-pubbliku ma joqgħodx idur minn dipartiment għall-ieħor imma jinqeda minn banda waħda qrib il-lokalità fejn jgħix. Fil-fatt bħalissa hawn ħames siti reġjonali li jaqdu lill-pubbliku, bil-ħsieb hu li jinfetħu tnejn oħra fiż-żmien li ġej. 

Is-Sur Cutajar qal li l-ftuħ ta’ dan iċ-ċentru, li l-binja tiegħu tinsab f’Horns Ditch il-Furjana, huwa ta’ sodisfazzjon għax jindirizza l-ħtiġijiet ta’ dawk l-aktar li għandhom bżonn fis-soċjetà. Huwa fisser kif f’dan iċ-ċentru se tingħata għajnuna biex iċ-ċittadin ikun jaf x’inhuma d-drittijiet tiegħu. 

Il-bżonn li jinfetħu dawn iċ-ċentri, li fi ftit tal-ġimgħat oħra se jiżdiedu b’ieħor li se jkun specjalizzat fuq it-taxxa, ġiet minħabba li n-numru ta’ domandi li saru permezz tal-linja 153 kienu fuq l-edukazzjoni, is-servizzi soċjali u t-taxxa. 

Is-Sur Mario Cutajar ikkonkluda billi fisser il-pjan għal quddiem għas-Servizz Pubbliku fejn bħalissa qiegħed isir investiment importanti ta’ €40 miljun fl-IT biex jipprepara għall-infrastruttura tal-quddiem. Il-mira tal-amministrazzjoni pubblika hija li naqilbu għal sistema tal-once-only principle, li biha l-pubbliku jagħti l-informazzjoni lill-Gvern darba biss.

Iċ-ċentru sar b’investiment ta’ €500,000 u se jkun miftuħ mit-Tnejn sas-Sibt mit-8.00 sas-1.00 ta’ wara nofsinhar kif ukoll l-Erbgħa filgħaxija mill-5.00 sas-7.30, is-sena kollha.