Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr190597

PR190597

22/03/2019

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI

Inkomplu nwettqu l-miżuri tal-baġit – l-iskema ‘home equity release’

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ħabbar it-twettiq ta’ miżura oħra mill-baġit għal din is-sena, dik li għall-ewwel darba f’Malta tiġi introdotta faċilità ta’ Home Equity Release.

Il-Ministru Edward Scicluna spjega li madwar 80 fil-mija tal-Maltin huma sidien ta’ djarhom iżda peress li d-dar ma tiġġenerax sors ta’ dħul għas-sidien li jgħixu fiha, ħafna persuni irtirati jispiċċaw jiddependu biss fuq il-pensjoni.

“Aħna, bħala gvern, ħassejna li hemm bżonn li tiġi introdrotta l-iskema ta’ Home Equity Release. B’hekk nipprovdu soluzzjoni għall-persuni irtirati li jixtiequ jkomplu jgħixu f’darhom iżda jixtiequ jtejbu d-dħul tagħhom u b’hekk iżommu l-livell ta’ għajxien aħjar. Għalhekk, permezz ta’ din l-iskema se nkunu qed nagħtu mezz alternattiv ta’ kif il-pensjonanti Maltin u Għawdxin jistgħu jtejbu d-dħul tagħhom,” qal il-Ministru Scicluna.

Sabiex jinħolqu dawn il-faċilitajiet ġie mwaqqaf grupp ta’ ħidma li ħejja rapport li jelenka l-għażliet preferuti dwar kif din l-inizjattiva tista’ tiġi implimentata.

Il-Ministru Scicluna spjega li l-iskema hi totalment volontarja. Persuna irtirata issa se tkun tista’ żżomm l-ownership tal-proprjetà li qed tgħix fiha u jsir ftehim ma’ istituzzjoni finanzjarja biex issellef il-flus f’somma waħda jew b’mod regolari pereżempju kull xahar lill-pensjonant. Is-self u l-imgħax imbagħad jitħallsu lura wara li l-konjuġi jmut jew ir-residenza tinbiegħ. L-eredi jiksbu l-ekwità li tkun fadal wara li jitħallas dan is-self. Il-werrieta se jkollhom id-dritt li jekk jiddeċiedu hekk iħallsu lura l-ipoteka mingħajr ma jbigħu l-proprjetà.

L-iskema se tiġi offruta minn banek u minn istituzzjonijiet finanzjarji liċenzjati u regolati mill-MFSA. Konxji li qed nitrattaw pensjonanti li m’għadhomx ekonomikament attivi u li jistgħu ma jkunux daqshekk intiżi fis-settur finanzjarju, ir-regolamenti se jipprovdu protezzjoni b’saħħitha lill-konsumatur, f’dan il-każ lill-pensjonanti.

Ir-regolamenti jinkludu fost oħrajn li l-imgħax se jkun fixed jew capped għat-terminu sħiħ tas-self. Barra minn hekk, wara l-mewt tal-konjuġi jew meta jgħaddi għall-kura fit-tul, se jingħata perjodu ta’ 3 snin sabiex tinbiegħ ir-residenza u jitħallas is-self. Jekk is-self jaqbeż il-valur tar-residenza għal kwalunkwe raġuni, il-werrieta ma jkunux responsabbli għal dan it-telf tal-istituzzjoni finanzjarja (l-ebda Garanzija ta’ Ekwità Negattiva). Il-pensjonant jista’ jagħżel li jirċievi l-flus f'’omma waħda jew b’mod regolari pereżempju kull xahar.