Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr190648

PR190648

28/03/2019

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT U MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA

Inawgurata 'Il-Ġardina' tal-Isptar Sir Anthony Mamo – proġett tal-Malta Community Chest Fund Foundation b'kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u l-Ministeru għas-Saħħa

Il-President ta' Malta Marie-Louise Coleiro Preca u d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne inawguraw 'Il-Ġardina' tal-Isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo. 'Il-Ġardina' hija spazju miftuħ ma' dan l-isptar fejn ħa jkun possibbli għall-pazjenti li joħorġu barra mis-swali waqt li jkunu għall-kura biex iqattgħu ftit tal-ħin mal-viżitaturi f'ambjent mill-isbaħ li jikkumplimenta l-binja tal-istess sptar.

Il-President Coleiro Preca qalet li 'Il-Ġardina' hija riżultat ta' kollaborazzjoni li l-Malta Community Chest Fund Foundation kellha mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u mal-awtoritajiet tas-saħħa, flimkien mal-komunità kummerċjali u l-għaqdiet volontarji li għalihom kollha kellha kliem ta' ħajr. Hija qalet li biex sar dan il-proġett inġabru fondi apposta mill-komunità kummerċjali u ma ntużawx fondi minn tal-Malta Community Chest Fund Foundation. Fid-dawl ta' dan, il-President irringrazzjat lill-komunità kummerċjali talli ħaddnu bis-sħiħ il-valur ta' corporate social responsibility, biex bl-aktar mod prattiku jkunu qed jgħinu sabiex il-pazjenti u l-qraba tagħhom jkollhom fejn jirrilassaw f'ambjent seren u mill-isbaħ.

Min-naħa tiegħu d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li apparti l-infrastruttura mill-aktar avvanzata, flimkien mal-mediċini tal-aqwa kwalità,   staff mediku u professjonali f'kull livell tiegħu, issa l-isptar tal-onkoloġija huwa attrezzat b'post mill-aktar kumplimentari, b'ambjent li jgħin fl-istadju inqas faċli li jkun għaddej minnu l-pazjent u qrabatu.

Id-Deputat Prim Ministru qal li huwa pruvat xjentifikament li kull ħaġa fil-ħajja li tista' ttejjeb il-moral ta' min ikun għaddej minn żmien diffiċli flimkien ma' ta' dawk qrib tiegħu u ta' dawk li jkunu qegħdin jikkurawh tgħin biex ikun hemm riżultati aħjar.

'Il-Ġardina' huwa spazju sostanzjalment kbir, fejn jispikkaw is-siġar żgħar u pjanti bil-fjuri mqassmin f'reċipjenti u mhux imħawwlin fl-art, imdawrin b'bankijiet, siġġijiet u mwejjed. Parti minn 'Il-Ġardina' hija maħsuba wkoll għat-tfal fejn jistgħu jirrekjaraw ruħhom.