Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr190934

PR190934

02/05/2019

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KULTURA U GVERN LOKALI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR, INDAFA PUBBLIKA U S-SOSTENN TAL-BELT KAPITALI Aktar minn €250,000 investiment għall-indafa pubblika u manutenzjoni fil-Belt Va

Id-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni fi ħdan is-Segretarjat għad-Drittijiet tal-Konsumatur, Indafa Pubblika u s-Sostenn tal-Belt Kapitali investiet f'riżorsi umani, makkinarju u apparat għat-tindif biex tiżdied l-effiċjenza fit-tindif u manutenzjoni fil-Belt Valletta. Wara li daħal fis-seħħ l-Avviż Legali 175/2018 li jirregola kif, x'ħin u b'liema tip ta' vettura jinġabar l-iskart, id-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni investiet fi tliet vetturi ġodda low emission li l-ispiża tagħhom tlaħħaq il-€200,000.

 

L-investiment estensiv li sar jinkludi; mechanical sweeper pedonali biex tiżdied l-effiċjenza fit-tindif, bowsers tal-ilma li ġew attrezzati b'apparat modern biex isir il-ħasil tal-pavimentar tal-pjazez u toroq fil-Belt Valletta matul il-lejl, tul is-sena kollha. Inxtrat magna apposta li taħsel u togħrok il-pavimentar tal-pjazez. Sar investiment f'diversi kontenituri tal-iskart li jinkludu fihom ukoll reċipjent għall-iskart riċiklabbli u twaħħlu wkoll numru ta' ashtrays. Dan l-investiment kollu huwa ta' €50,000.

 

Ġew assenjati numru ta' ħaddiema biex inaddfu f'kull ħin matul il-ġurnata, fiż-żoni kollha tal-Belt kapitali. Qed isiru wkoll diversi interventi fuq upkeep fosthom; tiswija u manutenzjoni ta' għamara tat-triq, traffic bollards, tiswija ta' pavimentar, manutenzjoni ta' funtani, tindif ta' spralli li jilqgħu l-ilma tax-xita, kif ukoll bdil ta' bozoz ta' dawl dekorattiv. Għal dan il-għan ġew ingaġġati wkoll numru ta' ħaddiema tekniċi, speċjalizzati f'kull settur biex ix-xogħol isir bl-aqwa teknika u b'ħidma professjonali. Din il-ħidma ssir kemm fiż-żona pedonali tal-Belt Valletta kif ukoll fit-toroq residenzjali u fir-ring road.

 

"Id-Divizjoni għat-Tindif u Manutenzjoni f'dawn l-aħħar sentejn investiet bil-kbir fi-riżorsi umani, makkinarju u apparat għat-tindif fil-Belt Valletta," qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici. "Isiru ħafna interventi b'mod kontinwu fil-Belt Valletta li jinkludu wkoll manutenzjoni ġenerali madwar il-Belt. Id-Diviżjoni tassigura wkoll li tagħmel xogħlijiet ta' tindif wara kull attività inkluż attivitajiet li jattiraw ħafna nies, biex il-Belt Valletta tisbaħ lura għan-normal. Dan kollu qiegħed isir għal benefiċċju tal-komunità tagħna," kompla jgħid Bonnici.

 

Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Konsumatur, Indafa Pubblika u s-Sostenn tal-Belt Kapitali tkellem dwar l-importanza tal-indafa u l-manutenzjoni f'kull rokna ta' pajjiżna. Huwa spjega kif id-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni investiet u qeda tinvesti eluf ta' ewro biex ix-xogħol ta' tindif u manutenzjoni isir bl-iktar mod effikaċi u effiċjenti. Debattista żied jgħid li hija responsabbiltà ta' kull wieħed u waħda minna li nosservaw il-liġi u nirraportaw meta naraw xi tip ta' llegalità. Huwa ħeġġeġ lil pubbliku biex ma jkunx parti mill-ftit persuni li jivvandalizzaw l-ambjent ta' pajjiżna. L-ispejjeż żejda li qed jintefqu biex jitnaddfu u jissewwew atti vandali jistgħu jiġu użati f'oqsma oħra għal benefiċċju tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.

 

Id-Direttur Ġenerali responsabbli mid-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni, Ramon Deguara spjega kif id-Diviżjoni qed taħdem b'mod estensiv biex l-indafa u l-manutenzjoni f'pajjiżna tkun ikkontrollata. Deguara tkellem dwar diversi investimenti li saru għal ġid tal-Belt Valletta fosthom ix-xogħol li jsir wara kull attività tal-massa li jsiru matul il-lejl biex l-għada l-Belt kapitali tisbaħ fl-aqwa tagħha.

 

Kull min jiltaqa' mal-bżonn li jirrapporta każijiet ta' skart illegali jista jagħmel użu mill-MobileApp 'Clean and Upkeep' u l-freephone 1718.