Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr190947

PR190947

03/05/2019

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KULTURA U GVERN LOKALI: Malta tagħti l-appoġġ tagħha għal aktar kollaborazzjonijiet internazzjonali għall-ħarsien tal-wirt kulturali

“L-inċident tan-Notre Dame juri bl-iktar mod ċar kemm il-wirt dinji huwa fraġli u vulnerabbli u kemm huwa importanti li niżguraw l-aħjar mekkaniżmi biex inħarsuh u nippreservawh għall-ġenerazzjonijiet futuri,” qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura  u Gvern Lokali Owen Bonnici waqt Laqgħa Informali tal-Ministri tal-Istati Membri tal-UE inkarigati mill-politika kulturali, li ttellgħet f’Pariġi.

Dr Bonnici saħaq li l-inċident traġiku tal-Katidral tan-Notre Dame fil-15 ta’ April ma affettwax biss lill-poplu Franċiż imma lid-dinja kollha, Dan it-teżor nazzjonali li jattira miljuni ta’ nies kuljum huwa kkunsidrat bħala wieħed mill-akbar simboli rikonoxxuti ta’ Pariġi u tan-nazzjon Franċiż ukoll.

“Wara li ċċelebrajna s-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali li kellha l-għan li tinkoraġġixxi sens ta’ appartenenza fi spazju Ewropew komuni, bħala Ewropej aħna wkoll ħassejna dan is-sentiment li nħass mill-Franċiżi u huwa għal din ir-raġuni li qegħdin hawn illum: biex nuru s-solidarjetà tagħna filwaqt li flimkien inħarsu ’l quddiem b’tama u b’kuraġġ,” qal il-Ministru.

Il-Ministru Bonnici saħaq li Malta tagħti s-sostenn tagħha għal aktar koperazzjoni f’dan is-settur speċjalment f’termini ta’ repożitorju ta’ għarfien espert neċċessarju li jkun disponibbli mal-ewwel f’dawn l-avvenimenti traġiċi. “Fortunatament dawn id-diżastri ma jseħħux b’mod frekwenti, imma meta jiġru, ma jgħajtux biss għall-esperti nazzjonali imma għad-dinja kollha biex tiżgura l-aħjar attenzjoni possibbli. B’hekk risposti ta’ dak il-ħin mhux neċessarjament ikunu l-aħjar soluzzjoni,” qal il-Ministru.

Hu qal li l-iskambju ta’ prattiċi tajbin u l-għaqda ta’ kompetenza esperta fis-settur hija essenzjali u għalkemm dawn huma inċidenti skarsi, jistgħu jħallu riżultati devastanti u f’ċerti każijiet iwasslu għal telf u għal danni permanenti.

Il-Ministru rrefera wkoll għall-Forum tal-Wirt Kulturali li kellu l-irwol li jipprovdi l-Kummissjoni Ewropea b’għażliet u b’analiżi dwar il-programmi ta’ fondi tal-UE biex jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Qafas Ewropew għal Azzjoni dwar il-Wirt Kulturali kif ukoll biex iressaq skambji ta’ esperjenza u prattiċi tajbin relatati mal-immaniġġjar tal-wirt kulturali fuq livelli differenti ta’ governanza.

Il-Ministru Bonnici rrimarka li jista’ jiġi stabbilit reġistru online fejn kull pajjiż jista’ jtella’ lista utli  ta’ għarfien espert li tista’ tiġi offruta f’każ ta’ emerġenza.

Dr Bonnici faħħar l-isforzi tal-Università ta’ Malta rigward it-tnedija ta’ Infrastruttura ta’ Riċerka Ewropea għal Xjenza Patrimonjali (E-RIHS) li tgħaqqad flimkien 18-il pajjiż bħala l-membri fundaturi, 10 pajjiżi internazzjonali b’potenzjal li jkunu msieħba u aktar minn 80 istituzzjoni. Hu qal li l-E-RIHS twassal biex tippermetti l-komunità transdixxiplinarja biex tavvanza fix-xjenza patrimonjali u tagħti aċċess globali għall-infrastrutturi mqassma madwar l-Ewropa b’mod kordinat. 

“It-twaqqif tal- E-RIHS fl-Ewropa huwa mira komuni mfittxija min-numru ta’ komunitajiet li jagħrfu l-bżonn ta’ approċċ integrat. Aħna nemmnu li strutturi bħal dawn jistgħu jintużaw sabiex jiġu mqassma l-aħjar prattiċi u għarfien fis-settur,” qal il-Ministru Bonnici.

F’dan il-kuntest kollu, qal li huwa kruċjali li nimmobilizzaw ir-riżorsi finanzjarji eżistenti għal kwistjonijiet relatati mal-ħarsien ta’ wirt ipperikolat, pprovduti mill-Unjoni Ewropea taħt il-programmi differenti tagħha.

Il-Ministru Bonnici saħaq ukoll dwar l-importanza li niżguraw li ż-żgħażagħ tagħna jkunu miġbuda lejn il-wirt tagħhom. “Irridu nnisslu fihom sens ta’ dmir li jkomplu jippreservaw il-wirt tagħhom  u s-sens ta’ kburija li tkun parti minn xi ħaġa akbar, xi ħaġa li tagħtina l-identità tagħna. Dan isir billi jkollna inizjattivi mmirati minn meta jkunu żgħar ħafna,” qal il-Ministru. 

Dr Bonnici spjega li fuq livell nazzjonali Malta għandha l-Heritage Passport li huwa offrut lill-istudenti kollha li bih jistgħu jżuru b’xejn kull sit u kull mużew immexxija mill-aġenzija nazzjonali ta’ Malta, Heritage Malta. Apparti dan kull student jista’ jiġi akkumpanjat minn żewġ adulti li wkoll jidħlu fis-sit bla ħlas. Din l-inizjattiva ġiet estiża wkoll għaċ-ċittadini anzjani.

Waqt il-laqgħa ġiet adottata dikjarazzjoni fejn l-istati membri wegħdu li jrawmu aktar kollaborazzjoni biex jiġi preservat il-wirt Ewropew komuni u li tipprovdi liż-żgħażagħ tal-Ewropa b’aktar opportunitajiet.