Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr190965

PR190965

06/05/2019

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KULTURA U GVERN LOKALI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR, INDAFA PUBBLIKA U S-SOSTENN TAL-BELT KAPITALI: Aktar minn 1,500 tunnellata ta’ alka jinġabru minn diversi bajjiet madwar Malta

Waħda mir-responsabbiltajiet prinċipali tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni hija t-tneħħija tal-alka u t-tindif tal-bajjiet tul il-kosta Maltija. Id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni tibda l-preparamenti tagħha biex titneħħa l-alka f'Marzu. Il-bajjiet li jsir intervent ta' tneħħija ta' alka fihom huma diversi fosthom: l-Armier, Little Armier, Ta' Kejlu, l-Għadira, Għajn Tuffieħa, ir-Riviera, il-Ġnejna, ix-Xemxija, Buġibba, il-Bajja San Ġorġ f'San Ġiljan, il-Bajja Al Fresco u l-Bajja s-Sabiħa f'Birżebbuġa, u l-bajja ta' San Tumas f'Marsaskala. Din is-sena, diġà nġabru 'l fuq minn 1,500 tunnellata ta' alka mill-kosta Maltija.

 

F'dawn il-bajjiet isiru interventi b'gafef u numru ta' trakkijiet. Ikun hemm ċirkostanzi fejn ikun hemm bżonn ta' excavator li jintuża meta jkun hemm ammont kbir ta' alka li tinqabad f'roqgħa 'l barra mill-bajja u ma tkunx tista' tinġabar permezz tal-gafef. 

 

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici faħħar ix-xogħol tal-ħaddiema fi ħdan id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni sabiex jiżguraw li l-bajjiet u l-kosta tagħna jkunu miżmuma tajba u jkunu siguri għal kulħadd. Il-Ministru Bonnici qal li hemm madwar 50 impjegat f'din is-sezzjoni li jieħdu ħsieb il-bajjiet, li jaħdmu kuljum mit-Tnejn sal-Ħadd. "Is-sena l-oħra biss inġabru mal-5,000 tunnellata ta' alka. Permezz tad-dedikazzjoni u determinazzjoni, aħna qegħdin insaħħu aktar l-istrateġija tagħna biex noħolqu postijiet aktar siguri u miżmuma tajjeb, għall-benefiċċju tal-komunità u biex dawn jitgawdew minna", kompla jgħid il-Ministru Bonnici.

 

Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Konsumatur, Indafa Pubblika u s-Sostenn tal-Belt Kapitali Deo Debattista spjega kif, sfortunatament, mal-alka jittella' wkoll ammont kbir ta' skart li jiġi depożitat fil-baħar mill-pubbliku. Huwa żied jgħid li l-iktar materjal li jinstab huwa l-plastik, li jagħmel ħsara kbira lill-ambjent marittimu u l-ispeċi li jgħixu fih. "Matul is-sena li għaddiet, inġabru 'l fuq minn 5,000 tunnellata ta' alka li parti kbira minnha tqassmet lill-bdiewa fuq talba tagħhom stess għaliex tintuża biex ikabbru l-prodotti", kompla jgħid is-Segretarju Parlamentari Debattista. Huwa ħeġġeġ lill-pubbliku Malti u Għawdxi u lis-sidien tal-lidos li jinsabu qrib tal-baħar biex jgħinu u jikkoperaw mad-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni biex flimkien il-bajjiet tagħna jinżammu nodfa u nieqsa mill-periklu.

 

Id-Direttur Ġenerali responsabbli mid-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni Ramon Deguara spjega kif il-maltempata li laħqet lill-pajjiżna fl-24 ta' Frar li għadda għamlet ħafna ħsara lil diversi bajjiet, b'ammont kbir ta' ramel li tkaxkar mill-mewġ qawwi 'l barra mill-bajja. "Kif qed naraw, parti mill-bajja tal-Għadira tinsab nieqsa ħafna mir-ramel," spjega Deguara. Huwa żied jgħid li l-istess irjiħat qawwija jkaxkru r-ramel għal fuq wara tal-bajja u saħansitra fit-toroq. Ir-ramel li jkun depożitat fit-toroq jinġabar u jerġa' jintefa' lura fuq il-bajja. Din tiġri l-iktar fl-Għadira, l-Armier u l-bajja ta' San Tumas f'Marsaskala. 

 

Is-sezzjoni tal-ħaddiema tal-bajjiet hija magħmula minn madwar 50 ħaddiem li jaħdmu kuljum mit-Tnejn sal-Ħadd.