Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr190966

PR190966

06/05/2019

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI: Gvern li jwettaq dak li jwiegħed—Il-proċedura ta’ ‘offsetting’

Waqt konferenza stampa, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ħabbar it-twettiq ta' miżura oħra baġitarja, dik li tiġi introdotta l-proċedura ta' offsetting.

 

Din is-sistema taħdem billi ħlasijiet li kumpanija, negozjant li jaħdem għal rasu jew partnership ikollha tieħu mingħand il-Gvern, jiġu offset ma' ħlasijiet li dawn ikollhom jagħtu lill-Gvern.

 

"Il-Gvern minn dejjem għaraf li s-settur privat huwa l-mutur tal-ekonomija. Għalhekk, ried irawwem ambjent li hu business-friendly, fejn is-settur privat jista' jikber. Permezz ta' din il-miżura, qegħdin nagħmlu proprju dan, għax qed ngħinu sabiex tiżdied il-likwidità tal-kumpaniji filwaqt li nżidu l-effiċjenza fl-operat tas-settur pubbliku", stqarr il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna.

 

Il-proċedura ta' offsetting se tkun fuq bażi volontarja u ssir permezz ta' applikazzjoni li se titpoġġa fuq il-website tal-Ministeru għall-Finanzi, flimkien ma' noti relevanti li jispjegaw il-proċess.

 

Il-Ministru għall-Finanzi spjega kif din il-miżura kienet ilha tiġi mwiegħda minn amministrazzjonijiet preċedenti iżda qatt ma ġiet imwettqa.

 

"Permezz tal-koordinazzjoni bejn il-Budget Affairs Division u l-Kummissarju tat-Taxxi, u t-twaqqif ta' unit fil-finanzi li se jkun qed jieħu ħsieb din is-sistema, illum din il-wegħda qed tiġi mwettqa", kompla l-ministru.

 

Preżenti għall-konferenza stampa ġewwa d-Dipartiment tat-Teżor kien hemm l-Accountant Ġenerali tat-Teżor Paulanne Mamo, il-Kummissarju tat-Taxxi Marvin Gaerty, id-Direttur Ġenerali tal-Budget Affairs Division Mark Borg kif ukoll is-Segretarju Permanenti tal-Finanzi Joseph Caruana.

 

Fost ir-regoli prinċipali, id-Direttur Ġenerali tal-Budget Affairs Division spjega li l-applikant li qed jitlob għall-offsetting irid ikun l-istess debitur u kreditur tal-Gvern kif ukoll li l-offsetting jista' jsir għal ammonti li huma minn €10,000 'il fuq. Jekk tiġi mogħtija approvazzjoni biex isir is-set-off, l-applikant jiġi mitlub jidħol f'Offsetting Agreement mal-Gvern. Barra minn hekk, ser ikun hemm data stipulata għal kull set-off, fejn ir-rikonċilijazzjoni għandha tirrifletti t-tranżazzjonijiet kollha sa din id-data.

 

Il-proċedura ta' offsetting se tidħol fis-seħħ mill-10 ta' Mejju 2019.