Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr190971

PR190971

07/05/2019

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KULTURA U GVERN LOKALI Iktar minn €4,300,000 investiti għar-rijabilitazzjoni u r-restawr ta’ Admiralty House

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici żar ix-xogħlijiet ta’ restawr u rijabilitazzjoni li qed isiru f’Admiralty House.

Admiralty House kienet isservi bħala d-dar tal-Mużew tal-Arti ta’ pajjiżna sal-ftuh tal-mużew il-ġdid MUZA fil-Berġa tal-Italja. Hekk kif jintemmu x-xogħlijiet, Admiralty House se tospita l-uffiċini tal-Avukat Ġenerali u l-Avukat tal-Istat f’sulari differenti. Ix-xogħlijiet qegħdin isiru mid-Direttorat tar-Restawr, li jaqa’ fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.
 
“Dan il-proġett se jaħseb għar-rijabilitazzjoni ta’ wieħed mill-eqdem binjiet tal-belt kapitali tagħna, li issa se tkun qed sservi bħala post li jospita żewġ uffiċini intrinsiċi fis-settur ġudizzjarju,” qal il-Ministru Bonnici waqt iż-żjara tiegħu. “Bħala Gvern aħna impenajti biex inkomplu nsaħħu l-wirt lokali tagħna, speċjalment minħabba li dan jifforma parti mill-identità tagħna bħala nazzjon u permezz ta’ xogħlijiet hekk, mhux biss qegħdin noħolqu spazju għal żewġ uffiċini importanti, imma qegħdin ukoll nippreservaw binja storika għal ġenerazzjonijiet futuri,” kompla jgħid il-Ministru Bonnici.
 
Ir-rilokazzjoni tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat  għal Admiralty House hija parti minn proġett separat li bis-saħħa tiegħu l-Palazz tal-Granmastru se jiġi restawrat u mogħti lura lill-poplu.

Ix-xogħlijiet f’Admiralty House jinkludu r-restawr taż-żewġ faċċati tal-binja, ir-restawr tal-pitturi fuq is-saqaf, l-aperturi oriġinali u elementi storiċi oħra fi ħdan il-binja, l-installazzjoni ta’ servizzi mekkaniċi u elettriċi biex jiġu offruti l-kumditajiet ta’ uffiċini moderni, ix-xogħlijiet tat-tlestija u l-għamara.
 
Il-binja hija palazz ta’ żmien is-seklu sbatax, fuq żewġ sulari u livell ta’ taħt, b’taraġ grandjuż li jwassal għall-piano nobile.  Dan il-palazz kien wieħed mill-ewwel binjiet li nbniet fil-belt Valletta u oriġinarjament kienet ir-residenza ta’ xi kavallieri. Admiralty House kienet ukoll is-sede tal-Kap Kmandant tal-Flotta Brittannika Meditterranea sal-1961. Il-palazz wara ġie inawgurat bħala l-Mużew tal-Arti fl-1974.
 
Il-proġett huwa mistenni li jitlesta sal-ewwel kwart tas-sena d-dieħla, b’investiment ta’ €4,351,313.