Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr190992

PR190992

09/05/2019

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA: Kampanja biex aktar żgħażagħ jidħlu għall-professjoni ta’ infermieri

Fl-okkażjoni tal-ġimgħa dedikata internazzjonalment għall-infermieri u l-qwiebel li titfakkar mill-5 sat-12 ta' Mejju, il-Ministeru għas-Saħħa flimkien mal-Union tal-Infermieri u l-Qwiebel (MUMN) imbarkaw fuq kampanja mmirata biex aktar żgħażagħ jersqu lejn din il-professjoni nobbli u jagħmluha karriera tagħhom. It-tnedija ta' din il-kampanja għal din is-sena saret waqt konferenza tal-aħbarijiet konġunta bejn il-Ministeru għas-Saħħa u l-MUMN.

 

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li s-settur tas-saħħa f'pajjiżna huwa wieħed tajjeb ħafna, xi ħaġa li ilha tinbena sena wara oħra u llum ninsabu fost l-aqwa għaxar pajjiżi fid-dinja għas-servizzi tas-saħħa, bil-poplu Malti klassifikat bħala li l-aktar li jgħix fit-tul u b'saħħtu fl-Ewropa.

 

"Dan huwa dovut mhux biss għall-infrastruttura tajba ħafna li għandna f'kull fergħa tal-qasam mediku, imma wkoll grazzi għall-professjonisti u l-ħaddiema kollha ta' dan is-settur, fosthom l-infermieri u l-qwiebel. Aktar ma nżidu s-servizzi tas-saħħa aktar ikollna bżonn ħaddiema, inkluż infermieri. Dan huwa evidenti ħafna mill-fatt li f'dawn l-aħħar sitt snin in-numru ta' infermieri żdied b'madwar 700, tant li fis-sena 2013 kien hemm 2,900 infermier u llum għandna 3,600, u xorta għad għandna bżonn aktar," sostna d-Deputat Prim Ministru.

 

Huwa żied jgħid li huwa kkalkulat li fuq it-tliet snin li ġejjin se jkunu meħtieġa 400 infermier ieħor u "għalhekk huwa importanti li nħajru aktar żgħażagħ lejn din il-professjoni, professjoni li tagħti sodisfazzjon kbir. Apparti minn hekk illum, b'riżultat ta' ftehim settorali milħuq mal-MUMN f'Novembru li għadda, il-professjoni tal-infermier  għandha rikonoxximent aħjar mil-lat finanzjarju u xiħaġa importanti ħafna hija li nħolqot struttura li permezz tagħha l-infermier jista' jibqa' jispeċjalizza."

 

Id-Deputat Prim Ministru esprima sodisfazzjon li spiċċa ż-żmien fejn kien illimitat in-numru ta' studenti li setgħu jidħlu għall-kors ta' infermier u llum l-Università ta' Malta qed tipproduċi medja ta' bejn 170 u 190 infermier kull sena. Ma' dawn żdiedet ukoll l-Università ta' Northumbria li f'ħidma kollettiva mal-MCAST f'dan il-qasam għandhom issa madwar 60 student ieħor u 30 oħra jidħlu s-sena li ġejja.

 

Min-naħa tiegħu l-President tal-MUMN Paul Pace qal li l-infermier għandu rwol importanti ħafna fil-qasam tas-saħħa, tant li kull fejn naqsu l-infermieri naqas il-livell tas-servizzi u batew il-pazjenti. Hija xi ħaġa komuni fost il-pajjiżi kollha tad-dinja li filwaqt li tiżdied il-popolazzjoni u allura tikber id-domanda għas-servizzi tas-saħħa qed tonqos il-popolazzjoni tal-infermiera. Malta mhix eċċezzjoni u għalhekk huwa importanti li aktar żgħażagħ jidħlu għal din il-professjoni.

 

Bħala parti minn din il-kampanja tpoġġew diversi billboards madwar il-pajjiż kif ukoll isiru żjarat fi skejjel fejn ikun spjegat lill-istudenti li għadhom qegħdin fi stadju li jaħsbu dwar il-futur tagħhom kemm hija nobbli l-professjoni ta' infermier.