Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr190994

PR190994

09/05/2019

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, ŻVILUPP SOSTENIBBLI U TIBDIL FIL-KLIMA U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI U KOMUNITAJIET

Il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima José Herrera u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis presedew għall-iffirmar tal-ftehim ma’ tmien kunsilli lokali li ser jibbenefikaw mill-proġett tal-Ministeru għall-Ambjent ‘Tħaddir tal-Komunitajiet’. Il-kunsilli lokali li ntagħżlu din is-sena huma l-Furjana, l-Kalkara, Marsaskala, l-Imtarfa, x-Xagħjra, ż-Żejtun u n-Nadur Għawdex, kif ukoll intagħżel l-ewwel proġett ta’ green wall f’Raħal Ġdid. Permezz ta’ dan l-iffirmar, ġiet imwettqa l-wegħda tal-Budget 2019.
 
Il-Ministru Herrera sostna li huwa ta’ sodisfazzjon illi għal sena oħra qegħdin jingħaqdu ma’ numru sostanzjali ta’ kunsilli biex jerġgħu jwettqu diversi proġetti oħra ta’ tħaddir fil-komunitajiet. Saħaq li anka fuq bażi lokali, fl-ambjent nistgħu nagħmlu differenza. “Hawn għatx għal proġetti fil-qalba tal-komunitajiet. Irridu naraw aktar elementi ta’ tħaddir fil-qalba tal-pjazez tagħna, fl-isqaqien tagħna, fl-ispazji miftuħa partikolari li għandna fl-irħula”, sostna l-Ministru Herrera.
 
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis qal li l-inizjattiva tal-lum turi biċ-ċar kemm l-ambjent huwa ta’ prijorità għall-Gvern preżenti. Apparti l-iffirmar ta’ Memorandum of Understanding ma’ diversi kunsilli lokali biex jingħataw dawn il-fondi permezz ta’ Urban Greening Fund, 41 kunsill lokali se jingħataw 3,450 siġra biex jitħawlu fil-lokalitajiet tagħhom. Dawn is-siġar se jiżdiedu ma’ dawk li huma preżenti fil-lokalitajiet u se jissostitwixxu dawk is-siġar li kienu mietu. Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis qal li din l-inizjattiva hija waħda mill-miżuri tar-riforma fil-gvern lokali li bdiet titwettaq ftit jiem biss wara li din ir-riforma daħlet fis-seħħ.
 
Permezz ta’ kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Ambjent, il-kunsilli lokali se jibdew jingħataw pjanti u siġar endemiċi minn żmien għal żmien biex dawn ikunu jistgħu jitħawlu fil-lokalitajiet. 
 
B’kollox, mill-bidu ta’ dan il-proġett fl-2014 ibbenefikaw 35 kunsilli lokali u ġew allokati aktar minn 1.2m ewro. L-allokazzjoni għat-tmien kunsilli lokali ser tkun ta’ €240,000, li 75% tal-fondi tagħha ser jingħataw illum malli jiffirmaw il-ftehim u 25% jingħataw mat-tlestija tal-proġett.
 
Fil-Furjana ser jitħawlu siġra u 470 arbuxella u ser jiġu mħawla fil-Mall, fi Pjazza Papa Ġwanni XXIII u Pjazza Robert Sammut fost siti oħra. Fil-Kalkara ser jitħawlu 50 siġra u 147 arbuxella f’diversi siti fosthom ħdejn ir-Rinella, Marina Alley No. 1 u 2 u S. Filumena. F’Marsaskala ser jitħawlu 37 siġra u 40-il arbuxella f’diversi siti fosthom fi Triq is-Salina, fl-iskola primarja l-ġdida u fil-playing field taż-Żonqor. Fl-Imtarfa ser isir ir-restawr ta’ Triq il-Kavallier Vincenzo Bonello, masġar li jkopri madwar 25 tomna ta’ art.
 
Fix-Xagħjra ser jitħawlu 68 siġra u 231 arbuxella fix-Xagħjra Promenade, il-Fortizza tal-Grazzja u Triq il-Knisja fost siti oħra. Fiż-Żejtun ser jitħawlu 85 siġra u 230 arbuxella fi Ġnien il-Kmandant, Ġnien San Girgor u Żona Ta’ Strejnu. Fin-Nadur Għawdex ser jitħawlu 50 siġra u 147-il arbuxella f’diversi siti fosthom Pjazza San Pietru u San Pawl, Belvedere – Triq Cocco Palmieri u faċċata tal-iskola. Dan filwaqt li f’Raħal Ġdid ser jiġi installat green wall ta’ 52m2 .