Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr191031

PR191031

13/05/2019

​ STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA: Proposti tal-PN għall-kura tas-saħħa mentali joħorġu mill-Istrateġija Nazzjonali 2020-2030

Il-Ministeru għas-Saħħa jinnota b’sodisfazzjon li proposti ewlenin dwar il-kura għas-saħħa mentali li ħareġ bihom il-Partit Nazzjonalista permezz tal-kelliem tiegħu għal dan il-qasam, id-Deputat Parlamentari Mario Galea, jirriżultaw mill-Istrateġija Nazzjonali dwar dan il-qasam  li l-Gvern nieda għall-konsultazzjoni pubblika f’Ottubru li għadda.


Dakinhar tat-tnedija tal-Istrateġija Nazzjonali, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li kien ilu jinħass li wasal iż-żmien għal pjan strateġiku, dettaljat u ħolistiku għall-qasam tas-saħħa u li l-qasam tas-saħħa mentali kien qed jingħata prijorità fl-Istrateġija Nazzjonali tas-Saħħa 2020-2030. Kien enfasizza ħafna fuq il-prevenzjoni l-aktar fost dawk vulnerabbli bħalma huma persuni li jgħixu fil-faqar, anzjani u anke tfal peress li ħafna mill-problemi ta’ saħħa mentali jibdew mnn età żgħira. 

Il-Gvern jemmen bis-sħiħ li ħafna mill-kura għandha tingħata barra mill-isptar u huwa għalhekk li, fost affarijiet oħra, iċ-ċentri tas-saħħa se jkunu qegħdin joffru servizzi għall-kura tas-saħħa mentali.

Il-Ministeru għas-Saħħa fakkar li huwa l-Gvern preżenti li ħareġ bil-pjan li jkun hawn sptar ġdid għall-kura akuta tas-saħħa mentali u li dan se jkun qrib l-Isptar Mater Dei bl-għan speċifiku li titnaqqas kemm jista’ jkun l-isfortuna tal-istigma li jingħata l-mard mentali. Il-Gvern jemmen bis-sħiħ li l-kura tas-saħħa mentali m’għandhiex tkun segregata imma għandha tkun parti minn kura inklussiva.

Madankollu xorta se jibqa’ l-ħtieġa għall-isptar preżenti tal-kura mentali, l-Isptar Monte Carmeli, anke jekk għal għanijiet differenti minn dawk li qiegħed iservi llum. B’konformità ma’ dan inbeda programm ta’ xogħlijiet kbar fuqu, mifruxin fuq ħames snin bi spiża ta’ madwar €30 miljun, xogħol li jinsab għaddej u li wieħed faċilment jista’  jarah.

Sadattant għaddej ukoll ix-xogħol fuq dak kollu li rriżulta mill-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika u huwa żbaljat min jaħseb li minn meta ngħalaq iż-żmien  tagħha ma sar xejn. Il-Ministeru għas-Saħħa temm jgħid li l-Gvern jilqa’ b’idejh miftuħin kull kontribut li jista’ jsir għal dan il-għan inkluż dak min-naħa tal-Oppożizzjoni.