Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr191037

PR191037

13/05/2019

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU, MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX

​Sistema ta’ robotika fil-laboratorju tal-Isptar ta’ Għawdex

Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, inawgura l-Laboratorji tal-Patoloġija fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex li għadu kemm sar fihom investiment ta’ aktar minn €1.2 miljun. L-apparat il-ġdid jinkludi apparat li jaħdem bl-intelliġenza artifiċjali u bir-robotika. B’riżultat ta’ dan l-investiment is-servizzi mediċi konnessi mat-testijiet tad-demm f’Għawdex stess se jiżdiedu b’madwar mitt wieħed ma’ dawk li diġà hemm. 

“Permezz ta’ dan l-investiment se jkun qed jonqos iż-żmien ta’ stennija għal ħafna testijiet u b’hekk ir-riżultati joħorġu qabel bil-konsegwenza li jkun qed jintrebaħ aktar ħin biex f’każ ta’ bżonn it-trattament konċernat ikun jista’ jinbeda qabel ukoll. Apparti minn hekk se jkun ifisser ukoll inqas skariġġ għall-Għawdxin,” qal id-Deputat Prim Ministru.

Żied jgħid li dan il-proġett huwa wieħed minn diversi li l-Ministeru għas-Saħħa kien qed jaħdem fuqhom flimkien ma’ Steward Healthcare bħala parti mill-wegħda tal-gvern li f’Għawdex ikun hemm sptar ġdid state of the art, l-akbar sptar li qatt kellu Għawdex u li jkun joffri l-aqwa servizz tas-saħħa b’xejn lill-Għawdxin.

B’konnessjoni ma’ dan l-investiment l-istaff fil-Laboratorji tal-Patoloġija f’Għawdex żdied b’sitt xjentisti u b’ħames allied assistants għal total ta’ 38 ħaddiem. Il-ħaddiema kollha ngħataw taħriġ speċjalizzat fl-isptar stess.

Is-sena li għaddiet saru f’Għawdex ftit inqas minn 643,500 test tad-demm filwaqt li ntbagħtu 117,000 kampjun tad-demm biex isiru testijiet fuqhom f’Malta. Dawn issa se jsiru f’Għawdex stess. “Ninsabu determinati li dak kollu li jkun possibbli li jsir f’Għawdex fejn jirrigwarda servizzi mediċi nagħmluh. Il-ġimgħa li għaddiet inawgurajna sala ġdida tal-ortopedija f’dan l-istess sptar. Sadanittant għaddejjin ix-xogħlijiet fuq iċ-ċentru tas-saħħa ġdid fir-Rabat li minnu se jkunu qegħdin jingħataw servizzi mediċi f’post aktar komdu u adattat,” qal id-Deputat Prim Ministru.

Fakkar li matul is-sena li għaddiet saret berġa ġdida fix-Xewkija kif ukoll kien ġie inawgurat uffiċċju ġdid tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek (POYC). Fil-jiem li ġejjin id-Deputat Prim Ministru mistenni jżur il-proġett tal-Iskola Medika ta’ Barts f’Għawdex ukoll u li issa jinsab fi stadju avvanzat ħafna.

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li bis-saħħa ta’ dan il-laboratorju ġdid u b’tekonoloġija state-of-the-art se jiżdiedu s-servizzi li jingħataw f’Għawdex primarjament għall-pazjenti Għawdxin u għal kull min jagħmel użu minnhom. Qalet li l-gvern qed ikompli jonora l-wegħda elettorali tiegħu, dik li joħloq aktar impjiegi f’Għawdex għall-Għawdxin peress li bil-ftuħ ta’ dan il-laboratorju fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex inġiebu minn Malta numru ta’ impjegati Għawdxin apparti li nħolqu postijiet tax-xogħol ġodda. 

Il-Ministru Caruana tenniet li l-viżjoni tal-gvern li kellu għal Għawdex fil-qasam tas-saħħa qed tkompli timmaterjalizza fejn fi żmien ġimgħa ġew inawgurati żewġ faċilitajiet ġodda. Il-Ministru għal Għawdex irringrazzjat lid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne tal-impenn u tad-determinazzjoni li juri biex ikompli jtejjeb is-servizz tas-saħħa f’Għawdex u lill-ħaddiema kollha tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex tas-servizz u tad-dedikazzjoni tagħhom.