Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr191056

PR191056

15/05/2019

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FAMILJA, DRITTIJIET TAT-TFAL U SOLIDARJETÀ SOĊJALI U MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI Ippjanar u Twettiq fil-qasam soċjali

Il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali organizza konferenza bit-tema “Ippjannar u Twettiq”, propju fil-ġurnata ddedikata lill-familja, li hija parti integrali minn dan il-Ministeru. 

Matul din il-konferenza tkellmu bosta professjonisti u opinjonisti, dwar kif qed tiżviluppa l-familja u d-diversifikazzjoni mill-familja tradizzjonali li kellna sa ftit snin ilu.

Intervjena l-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon li qal li dan il-Ministeru huwa fdat b’responsabbilità kbira sabiex jamministra terz tal-budget kollu tal-pajjiż. Il-Ministru qal li dan il-Ministeru jmiss kontinwament mal-vulnerabbli u għalhekk jikber il-bżonn ta’ servizz fil-ħin u ta’ kwalità.

Fakkar li minbarra l-impenn finanzjarju, dan il-Gvern jirrikonoxxi l-bżonn t’aktar ħin ta’ kwalità bejn il-familji, u għalhekk qed jikber l-għarfien ta’ bilanċ bejn ħajja u xogħol filwaqt li qed titħaddem b’suċċess il-kampanja trobbija pożittiva.

Fl-intervent tiegħu tul tmiem il-konferenza, is-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar qal li r-raġuni għalfejn isiru dawn il-laqgħat interministerjali hija biex tinfirex il-viżjoni għal quddiem ħalli jintlaħqu l-għanijiet tal-Ministeru.

Is-Sur Cutajar semma kif soċjetà mħaddma sew toqgħod fuq tliet pilastri importanti li huma; id-dritt għall-edukazzjoni, dritt għas-saħħa u dritt li tgħix komdu. Hawnhekk qal kif is-suċċess jitkejjel fuq kemm ikollna ċittadini li jgħixu aħjar u kif il-ġid jitqassam fl-istrati kollha tas-soċjetà. 

Fuq il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, is-Sur Cutajar qal li dan huwa l-akbar Ministeru li jkollu fondi allokati mill-budget annwali. Dan isir minħabba l-bosta miżuri għal ħajja diċenti u bit-tqassim tal-welfare state fost l-oħrajn. Hawnhekk huwa fakkar kemm huma importanti l-benefiċċji għal bilanċ bejn il-familja u x-xogħol.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li l-ippjanar huwa l-qafas tas-Servizz Pubbliku. Biex wieħed jippjana għal quddiem dan irid jifhem il-bidliet fix-xejriet tas-soċjetà. Għalhekk l-erba’ pilastri tas-Servizz Pubbliku li huma; il-vuċi, disinn, pakkett u kontabilità, huma importanti għal servizz ta’ kwalità. Is-Sur Cutajar qal kif is-Servizz Pubbliku għandu jisma’ lil dak li jridek tisimgħu u tgħinu, li wara kollox huwa l-qafas tal-Ministeru. 

Fl-aħħar is-Sur Mario Cutajar awgura lill-Ministeru għall-Familja jkompli jissaħħaħ biex ikompli jippjana u jwettaq aħjar b’informazzjoni u data relevanti.