Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr192341

PR192341

01/11/2019

​ STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KULTURA U GVERN LOKALI: Proġetti eċċitanti għall-istaġun 2020 ta’ KorMalta

KorMalta, inizjattiva tal-Kunsill Malti għall-Arti li jaqa’ fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura  u Gvern Lokali u l-ewwel kor nazzjonali ta’ pajjiżna għadu kif nieda l-istaġun 2019-2020 tiegħu.


Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici faħħar is-suċċess li l-kor kiseb fl-ewwel sena tiegħu, u stqarr li l-kor kompla jsaħħaħ il-professjonalizzazzjoni fis-settur. Il-Ministru Owen Bonnici qal li, “permezz tal-ħolqien tal-ewwel kor nazzjonali tagħna, indirizzajna lakuna li kienet preżenti għal numru ta’ snin. Il-Gvern huwa kommess li jagħmel l-arti u l-kultura aktar aċċessibbli u dan huwa possibbli grazzi għat-twassil ta’ kalendarju kulturali varjat u b’avvenimenti matul is-sena kollha,  li jolqot il-gosti ta’ kulħadd.”

L-istaġun ta’ din is-sena jibda bir-Requiem in F ta’ Biber f’Novembru, kif ukoll il-miġja tal-kor lejn 
Vjenna fejn se jtella’ mix a cappella ta’ kanzunetti tradizzjonali tal-Milied. Il-kor se jkun qiegħed jagħti spettaklu wkoll tal-Missa Brevis  ta’ Delibes fil- Votivkirche, knisja neo-Gotika.

Waqt it-tnedija, iċ-Chairman tal-Kumitat Koordinattiv ta’ KorMalta Etienne Bonello tkellem dwar l-importanza li jkollna kor nazzjonali. “Issa li ġie stabbilit, KorMalta għandu quddiemu sena eċċitanti b’ħafna avvenimenti ta’ varjetà ppjanati għall-2020. Bħalma sar fit-tnedijiet ta’ staġuni bħal ta’ ŻfinMalta, il-Kunsill huwa kommess bis-sħiħ biex is-sena li jmiss tkun oħra ta’ suċċess.”

KorMalta se jkun qiegħed iġib l-ispirtu tal-Milied f’pajjiżna wkoll, b’kunċert tal-Milied fil-Pro-Katidral ta’ San Pawl fil-Belt Valletta f’Diċembru. Dan il-kunċert se jikkonsisti f’kollaborazzjoni bejn il-kor nazzjonali u l-kor Jubilate Deo, bi programm mużikali li jvarja minn kant Gregorjan għal repertorju kontemporanju.

Id-Direttur Artistiku Riccardo Bianchi saħaq li KorMalta għandu jkun fuq quddiem fil-promozzjoni tal-mużika korali f’pajjiżna b’mod li jixpruna l-imħabba lejn il-kant f’pajjiżna. Bianchi qal li, “permezz ta’ KorMalta, se nkunu qegħdin nipprovdu opportunitajiet edukattvi għall-korijiet, koristi u surmastrijiet f’Malta u Għawdex bi programmi ta’ taħriġ u żvilupp biex inkomplu nżidu l-eċċellenza u l-parteċipazzjoni.”

KorMalta se jkun qiegħed jipparteċipa fil-Valletta Baroque Festival, kif ukoll fil-produzzjoni annwali tal-opri tat-Teatru Manoel, li did-darba se tkun ‘Otello’ ta’ Rossini.

F’Marzu KorMalta se jingħaqad ukoll mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta għar-‘Requiem’ ta’ Mozart fil-Knisja Kolleġġjata ta’ San Lawrenz il-Birgu, inizjattiva  tal-Fondazzjoni Kottonera. Il-kor nazzjonali se jkun qiegħed jippreżenta dan l-ispettaklu wkoll fil-Knisja Parrokjali tal-Qrendi, din id-darba bl-akkumpanjament ta’ pjanu.

It-tielet u l-aħħar opra tal-kompożitur Malti Paolino Vassallo, Edith Cavell, f’Mejju bħala produzzjoni minn Pjazza Teatru Rjal, bil-parteċipazzjoni ta’ KorMalta u l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta. Il-kor se jkun qiegħed jiċċelebra lil Beethoven permezz ta’ ‘The Ruins of Athens’, f’kunċert mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta.

Għall-aħħar tal-istaġun, KorMalta se jkun qiegħed itella’ ‘Sunrise Mass’ ta’ Ola Gjeilo fit-Tempji tal-Imnajdra b’żewġ kunċerti waqt is-soltizju tas-sajf f’Ġunju, avveniment prodott minn KorMalta, b’kollaborazzjoni ma’ ŻfinMalta u Heritage Malta.