Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr192349

PR192349

02/11/2019

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KULTURA U GVERN LOKALI: Ktieb bi ġrajjet l-iħirsa Maltin

Il-11-il edizzjoni tal-Malta Comic Con infetħet mill-Prim Ministru Joseph Muscat u mill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici 

L-avveniment tal-Malta Comic Con qed isir appuntament popolari annwali għal dawk kollha li togħġobhom il-kultura tal-komiks. Din is-sena, dan l-avveniment li kien organizzat fuq jumejn, ra t-tnedija tal-ktieb ġdid 'Wicked Ghost Stories of Malta' li sar b'kollaborazzjoni ma' Heritage Malta u mal-Kunsill Malti għall-Arti, li t-tnejn jaqgħu fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.

L-istejjer tal-iħirsa jimirħu matul iż-żminijiet, ikopru l-isferi soċjo-kulturali kollha u jħaddnu ċerti elementi ta' folklor, ta' finzjoni u ta' drama. Il-gżejjer Maltin mhumiex xi eċċezzjoni għal dan il-fenomenu. L-importanza li dawn il-leġġendi popolari tal-iħirsa jiġu ddokumentati kien l-element fundamentali li wassal lil Heritage Malta biex tingħaqad mal-Kunsill Malti għall-Arti u ma' Wicked Comics Malta biex toħroġ b'din il-pubblikazzjoni ħalli tagħti ġieħ lil dawn l-iħirsa tal-gżejjer Maltin.

B'kollox, wieħed isib 9 rakkonti f'dan il-ktieb mimli kuluri. L-ewwel 5 huma rrakkuntati permezz tal-komiks, li min-naħa l-oħra huma ċelebrazzjoni tal-kreattività u tal-ħila tax-xena artistika li dejjem qed tiżdied. L-4 ġrajjiet l-oħra jitkellmu dwar l-iħirsa li jingħad li jħufu f'erba' siti mmexxija minn Heritage Malta, u jieħdu forma ta' rakkonti qosra u strambi.

'Wicked Ghost Stories of Malta' jista' jinxtara mis-siti u mill-mużewijiet ta' Heritage Malta.