Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr192361

PR192361

05/11/2019

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KULTURA U GVERN LOKALI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI U KOMUNITAJIET Ftehim kollettiv ġdid għall-uffiċjali tal-komunità u għall-istaff amministrattiv tal-LESA

Wara li f’Mejju 2018 l-uffiċjali tal-komunità ġew trasferiti kollha fi closed department mal-Aġenzija Governattiva LESA, il-gvern beda ħidma sabiex ikun hemm bidla pożittiva kemm fl-aspett edukattiv kif ukoll fl-aspett operattiv innifsu. F’dik is-sena kien ukoll inbidel l-isem ta’ dawn l-uffiċjali u ngħataw ukoll uniformi ġdida.
 
F’Jannar li għadda ġew inawgurati l-uffiċini l-ġodda tal-Aġenzija LESA fil-Fgura. Matul din is-sena mbagħad beda taħriġ għar-rekluti l-ġodda, kompla jissaħħaħ l-infurzar ambjentali, ġew inawgurati 20 mutur ġdid u 6 vetturi ġodda, ingħata lbies protettiv lill-uffiċjali li jsuqu l-muturi, infetaħ għall-ewwel darba uffiċċju għal dawk l-uffiċjali tal-komunità li joperaw f’Għawdex u ġie inawgurat ukoll tribunal ta’ livell għoli għar-reġjun Għawdex.
 
It-Tlieta ġie ffirmat ftehim kollettiv ġdid bejn il-LESA u l-General Workers Union għall-uffiċjali tal-komunità u l-istaff amministrattiv tal-LESA. Dan il-ftehim kollettiv jinkludi żieda finanzjarja konsiderevoli u sostenibbli kemm għall-istaff amministrattiv u anki għal dawk inkarigati mill-infurzar u anki diversi miżuri li għandhom valur u impatt finanzjarju qawwi għall-benefiċċju tal-impjegat. Fost dawn il-miżuri hemm żieda fil-ġranet tas-sick leave, bank tal-leave, trasferiment tal-vacation leave, paid u unpaid leave ekwivalenti għal dak tas-servizz pubbliku, assigurazzjoni tal-impjegat, kodiċi tad-dixxiplina ġusta u ekwa, iktar opportunitajiet fil-karriera u taħriġ xieraq.
 
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici laqa’ dan il-ftehim kollettiv bejn il-LESA u l-General Workers Union u faħħar il-miżuri sostenibbli u konsiderevoli li ġew introdotti permezz tiegħu. Il-Ministru Bonnici stqarr li, “ġew introdotti numru ta’ miżuri bżonnjużi li deċiżament se jkunu ta’ benefiċċju għall-uffiċjali tal-komunità, hekk kif jindirizzaw kundizzjonijiet ta’ impjieg aħjar, li jinkludu miżuri family-friendly u żidiet finanzjarji, kif ukoll l-introduzzjoni tal-parteċipazzjoni f’attivitajiet edukattivi u laqgħat informattivi għall-uffiċjali, biex inkomplu nżidu aktar għarfien dwar is-sigurtà fit-toroq.” Il-Ministru Owen Bonnici kkonkluda billi qal li bħala gvern aħna għandna l-għan li nkomplu nsaħħu x-xogħol li jsir mill-uffiċjali tal-komunità u rringrazzjahom tax-xogħol siewi li jagħmlu fil-komunità tagħna.
 
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis qal li dan il-ftehim kollettiv huwa pass ieħor li se jkompli jwassal għal aktar bidliet pożittivi fi ħdan l-Aġenzija LESA. Is-Segretarju Parlamentari qal li dan ikompli juri kemm il-gvern huwa impenjat li jkompli jtejjeb din l-Aġenzija kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-uffiċjali tal-komunità u anki tal-istaff amministrattiv fuq il-post tax-xogħol. Huwa qal li l-għan aħħari ta’ dawn il-bidliet huwa li jwasslu għal aktar ordni u serjetà fl-infurzar.