Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr192521

PR192521

22/11/2019

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Tinħtieġ azzjoni fuq livell Ewropew biex tiżdied it-trasparenza fil-prezzijiet tal-mediċini

Waqt li kien qed jitkellem fil-konferenza organizzata minn Politico dwar il-futur tas-settur tas-saħħa Ewropew, id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne sejjaħ għal azzjoni mill-Unjoni Ewropea biex tiżdied it-trasparenza fil-prezzijiet tal-mediċini. Din it-trasparenza twassal biex jiżdied l-aċċess għall-pazjenti għal mediċini innovattivi madwar l-Ewropa kollha.

 

Għal din il-konferenza attendew rappreżentanti mill-industrija farmaċewtika, assoċjazzjonijiet tal-pazjenti, il-Kummissjoni Ewropea u diversi stakeholders oħrajn.

 

Il-bżonn ta' trasparneza f'dawn it-tip ta' mediċini joħroġ mill-fatt li minkejja li qed ikun hawn mediċini ġodda u effettivi biex jitfejjaq mard li għalih ma kienx hawn kura qabel, il-prezzijiet ta' dawn il-mediċini qed ikunu għoljin wisq li pajjiżi waħedhom ma jlaħħqux ma' dawn l-ispejjeż u b'detriment għas-sostenibbiltà tas-sistemi tas-saħħa fil-pajjiżi żviluppati. Huma ħafna l-pajjiżi li qed jesperjenzaw diffikultà biex jixtru dawn it-tip ta' mediċini għad-dannu tal-pazjenti.

 

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne elenka x-xogħol li qed isir fi ħdan il-grupp magħruf bħala Valletta Group, grupp ta' għaxar pajjiżi mwaqqaf fi żmien il-Presidenza ta' Malta tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-2017. Dawn l-għaxar pajjiżi qed jikkoperaw flimkien bil-għan li jkun hawn aktar trasparenza fil-prezzijiet ta' dawn it-tip ta' mediċini bl-objettiv aħħari li tiżdied l-aċċessibilità għall-pazjenti.

 

Qal ukoll li dan il-grupp se jesplora metodi ta' kooperazzjoni ma' grupp ieħor magħruf bħala l-BENELUXA (li jinkludi fih il-Belġju, l-Olanda, il-Lussemburgu, l-Awstrija u l-Irlanda) fuq programmar u pjanar aħjar magħruf bħala horizon scanning. Dan iwassal għal aktar informazzjoni fuq mediċini li jkunu għadhom qed jiġu żviluppati u li se jkunu fis-suq aktar 'il quddiem.

 

Malta wkoll se tkun qed taħdem ma' presidenzi futuri tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex it-trasparenza fil-prezzijiet u r-reżistenza tal-mikrobi għall-antibijotiċi tkun fuq nett tal-aġenda tal-Unjoni Ewropea.

 

Fid-diskussjoni, id-Deputat Prim Ministru semma wkoll l-inċentivi li jistgħu jiġu esplorati u li jingħataw lill-industrija biex din taħseb għal bżonnijiet futuri u għal aċċess aktar faċli għall-mediċini li tiżviluppa.