Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr192186

PR192186

12/10/2019

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U PROMOZZJONI TAL-KUMMERĊ ‘Keeping Connected’ – Konvenzjoni għall-Maltin li jgħixu barra mħabbra għal Ottubru 2020

F'Ottubru 2020 ser tiġi organizzata konvenzjoni għall-Maltin li jgħixu barra, bit-tema 'Keeping Connected'. Għall-ewwel darba, se jkollha l-parti l-kbira tagħha ddedikata għal workshops fi gruppi żgħar magħmulin minn parteċipanti Maltin li jgħixu barra biex jiddiskutu u jressqu ideat u suġġerimenti. Dan ħabbru il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela f'konferenza stampa fl-għeluq l-10 laqgħa annwali tal-Kunsill tal-Maltin li jgħixu barra minn Malta li fl-aħħar jumejn iltaqgħu għal-laqgħa annwali tagħhom fil-binja tal-Ministeru, Palazzo Parisio.


Il-Ministru tkellem kif fl-aħħar xhur kien hemm żieda fir-reġistrazzjoni tal-Maltin li jgħixu barra mal-Ministeru permezz tal-mili volontarju tal-Formula D, li tinsab fuq is-sit tal-Ministeru. Dan huwa servizz taħt id-direttorat konsolari fejn din l-informazzjoni hija utli sabiex f'każ ta' bżonn, id-direttorat ikun jista' jgħin aħjar lill-dawn il-persuni.


Il-Ministru Abela rrimarka kif it-tagħlim tal-ilsien Malti dalwaqt ser ikun jista' jsir online permezz tal-ħolqien ta' pjattaforma diġitali, proġett li qed jiġi mwettaq mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u li bħalissa għadda għal fażi ta' preparazzjoni tat-tenders.

 

Il-Ministru Abela għamel referenza għall-kisbiet oħra li saru fl-interess tal-Maltin li jgħixu barra permezz tal-kunsill. Fosthom dan jikkonsisiti f'sottotitli bl-Ingliż ta' produzzjonijiet tal-Public Broadcasting Services, tlestija ta' Kodiċi ta' Etika għall-membri tal-Kunsill tal-Maltin li Jgħixu Barra, u t-tnedija tal-Kumitati Reġjonali.


Il-Ministru għamel referenza għad-diversi temi li ġew diskussa fl-aħħar jumejn. Dawn kienu jinkludu r-Reviżjoni tal-Att XX tal-2011 li jirregola dan il-Kunsill; bdil ta' programmi kultura; reġistrazzjoni tal-propjetà li Maltin li jgħix barra għandhom fil-Gżejjer Maltin, is-sottotitoli fuq produzzjonijiet Maltin; materji li għandhom x'jaqsmu mal-Identità Malta; il-passaport tal-kbar maħruġ minn Heritage Malta; il-mod kif inħajru aktar żgħażagħ  jagħtu sehemhom; kif nikkomminkaw aħjar mad-dijaspora Malti; u t-twaqqif tal-Kumitati Reġjonali.


B'hekk, kif qal il-Ministru, il-Kunsill tal-Maltin li jgħixu Barra jista' jitqies bħala l-veikolu uffiċjali li minnu joħorġu ideat li jippromwovu d-drittijiet u l-interessi tal-Maltin ta' barra, bil-ħsieb li, fejn hu possibbli, jiġu implimentati mill-Gvern Ċentrali.


Il-Ministru Abela tkellem kif l-idea ta' Malta globali f'dinja globalizzata hija l-mod kif irridu nħarsu lejn id-dijaspora Maltija fis-snin li ġejjin. Mhemmx aħna u huma, interessi tagħhom u interessi tagħna, imma nteressi komuni li jixprunaw modi ta' assimilazzjoni fil-mod kif Malta bħala poplu hu fejn hu jimxi 'l quddiem.


Il-Ministru Abela rrikonoxxa l-ħidma siewja li qed issir mill-Kunsill u mid-Direttorat responsabbli mill-Maltin li Jgħixu Barra, li minn din is-sena ġie assorbit f'Direttorat akbar li jiġbor fih ukoll is-Servizzi Konsulari.


Il-Kunsill tal-Maltin li jgħixu barra huwa magħmul  minn 15-il membru, ġejjin minn madwar id-dinja, u bil-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ bħala Chairperson. Dan għandu l-għan li jippromwovi d-drittijiet u l-interessi tal-Maltin li jgħixu barra minn xtutna.