Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr192189

PR192189

12/10/2019

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA It-tilqim kontra l-influwenza jibda minn nhar it-Tnejn

Minn nhar it-Tnejn, 14 ta' Ottubru, 2019, jibda jingħata t-tilqim b'xejn kontra l-influwenza. Għal dan il-għan il-Gvern ordna 100,000 doża ta' vaċċin bi spiża ta' ftit inqas minn nofs miljun ewro. L-ewwel tilqim se jingħata lil dawk il-persuni meqjusin ta' riskju għoli, tfal ta' taħt il-ħames snin, persuni ta' età minn 65 sena 'l fuq, persuni b'mard kroniku, u persuni li jagħtu servizz f'istituzzjonijiet magħluqin. It-tilqim se jingħata  miċ-ċentri tas-saħħa u mill-kunsilli lokali u mat-tieni ġimgħa jibda jingħata lil kulħadd.

 

Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha tnediet il-kampanja ta' tilqim kontra l-influwenza staġjonali ta' din is-sena u li tibqa' sejra sal-ewwel xhur tas-sena d-dieħla. Fl-istess waqt se tkun għaddejja wkoll kampanja ta' promozzjoni dwar x'miżuri għandhom jittieħdu biex ikun kontrollat kemm jista' jkun it-tifrix tal-influwenza.

 

Id-Deputat Prim Ministru qal li l-aħjar mezz ta' prevenzjoni kontra l-influwenza huwa t-tilqim. Għal din is-sena l-Gvern qiegħed ikabbar dan il-mezz ta' prevenzjoni billi se jkun qed jipprovdi vaċċin li jkopri erba' tipi differenti ta' influwenza, tnejn tat-tip A u tnejn tat-tip B, dak li jissejjaħ quadrivalent vaccine. Fis-snin preċedenti kienet tintuża t-trivalent vaccine, li kien ikopri tliet tipi. Filwaqt li s-sena li għaddiet intefqet is-somma ta' €270,000 għal 100,000 doża ta' vaċċin din is-sena għall-istess ammont se tintefaq is-somma ta' €495,000. Is-sena li għaddiet kienu amministrati 87,484 doża ta' vaċċin, b'44% minnhom lil persuni li għandhom 65 sena jew aktar.

 

Id-Deputat Prim Ministru qal li l-influwenza, bħala marda li tittieħed, tingħata prijorità minħabba l-effett li tikkawża fuq is-soċjetà, fuq is-sistemi tas-saħħa u fuq l-ekonomiji inġenerali. Huwa kkalkulat li globalment bejn 5 u 15% tal-popolazzjoni tintlaqat minnha u kull sena huwa stmat li tħalli 300,000 fatalità. Huwa appella biex it-tilqim jittieħed kemm jista' jkun kmieni, idealment tul Ottubru u Novembru biex b'hekk il-protezzjoni provduta tkun fl-aqwa tagħha għal meta jkun mistenni li l-influwenza tkun fl-eqqel tagħha, minn Diċembru 'l quddiem.

 

F'Malta s-sitwazzjoni tinżamm taħt sorveljanza kemm fil-livell komunitarju kif ukoll fil-livell sekondarju (fl-isptarijiet). Fil-livell komunitarju titħaddem dik li tissejjaħ sentinel surveillance, fejn tobba tal-familja fil-privat kif ukoll dawk fil-bereġ u fiċ-ċentri tas-saħħa jirrapurtaw il-każijiet ta' influwenza li jiltaqgħu magħhom.

 

L-aħħar staġun ta' influwenza (2018-2019) il-livelli kienu għoljin, bl-ogħla wieħed ikun ta' 162 każ kull 1,000 ruħ. L-ogħla livell intlaħaq fit-tieni ġimgħa tas-sena 2019 (7 -13 ta' Jannar). Dawn kienu livelli simili għal tas-sena ta' qabel.

 

Il-ġbir ta' informazzjoni għal din is-sena f'livell komunitarju beda fl-40 ġimgħa tas-sena, mill-Ħadd, 29 ta' Settembru. Ir-rata ta' każi ta' influwenza għall-ewwel ġimgħa hija ta' 6.552 kull 1,000 ruħ. Il-moniteraġġ f'livell sekondarju jsir permezz ta' każijiet li jispiċċaw l-isptar, fejn l-ogħla livelli ġeneralment jintlaħqu f'Jannar.

 

Il-moniteraġġ isir għal tipi ta' influwenza li jkunu prevalenti kemm f'livell komunitarju kif ukoll f'livell ta' sptar.

 

Bejn Ottubru 2018 u Mejju 2019, kien hemm total ta' 9,690 pazjent li ġew eżaminati għas-sistema respiratorja. Minnhom kien hemm 642 li rriżultaw pożittivi għal Influwenza A H1N1; 448 għal Influwenza H3 u tlieta għal Influwenza B. Mill-moniteraġġ li sar fis-sajf ta' din is-sena it-tip ta' influwenza identifikata kienet dik AH3.

 

L-istaġun tal-influwenza f'dik il-parti tad-dinja magħrufa bħala s-Southern Hemisphere beda f'Ġunju li għadda. Il-virus A kien l-iżjed li rriżulta, iżda kien hemm żjieda fin-numru tal-virus B. Fil-parti l-kbira tal-pajjiżi f'din il-parti tad-dinja ġew irrappurtati livelli baxxi ta' influwenza meta kkomparat mal-istess perjodu tas-sena ta' qabel. Madanakollu meqjus il-fatt tat-tendenza li għandha l-influwenza mhux faċli tipprevedi x'jista' jkun il-livell li jolqtok u allura għandha tittieħed kull prekawzjoni possibbli.

 

Il-ħinijiet tat-tilqim miċ-ċentri tas-saħħa jkunu bejn it-8.00 ta' filgħodu u 1.00 ta' wara nofsinhar mit-Tnejn sal-Ġimgħa, u s-Sibtijiet mit-8.00 ta' filgħodu sa nofsinhar.

 

Iċ-Ċentri tas-Saħħa tal-Mosta, Raħal Ġdid u l-Furjana jkunu miftuħin ukoll mit-Tnejn sas-Sibt bejn is-2.30 p.m. u s-7.30 p.m.