Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr192239

PR192239

21/10/2019

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA: Aktar minn €2 miljuni kuljum għall-qasam tas-saħħa

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li, għas-sena li ġejja, l-gvern kien qed jivvota aktar minn €2 miljuni kuljum għall-qasam tas-saħħa. Fil-fatt, kienu qed jiġu vvutati €753 miljun, ammont li huwa aktar mid-doppju ta’ kemm kienu ġew ivvutati flus għas-sena 2012 mill-gvern Nazzjonalista, fl-aħħar baġit tiegħu qabel spiċċa mill-gvern. Dakinhar, kienu ġew ivvutati €370 miljun.


Id-Deputat Prim Ministru qal dan meta kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet  mis-sensiela ‘Baġit 2020 – Malta Nkomplu Nikbru Flimkien’. Il-konferenza tal-aħbarijiet saret fl-entratura taċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo. Fil-bidu tal-konferenza, d-Deputat Prim Ministru qal li matul din is-sena l-qasam tas-saħħa f’pajjiżna ġie klassifikat fid-disa’ post fost 195 pajjiż mad-dinja kollha mill-ġurnal influwenti mediku ‘The Lancet’, filwaqt li l-ġimgħa li għaddiet, l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi kklassifika lil Malta mal-ewwel tliet postijiet fl-Ewropa fejn jirrigwarda s-saħħa.

“Ninsabu determinati li dawn il-klassifikazzjonijiet mhux biss inżommuhom, imma nagħmlu dak kollu possibbli biex intejbuhom. Dan huwa rifless fl-istrateġija għal dan il-qasam għas-snin 2020-2030, u fil-programm ta’ ħidma u proġetti li hemm ippjanati, u li fuqhom diġà għaddej ix-xogħol jew huwa programmat li jibda,” qal id-Deputat Prim Ministru.

Fost dawn il-proġetti hemm il-High Dependency Isolation Unit tal-isptar Mater Dei għal każijiet mhux komuni ta’ mard infettiv serju, proġett stmat li jiswa’ €1.7 miljun, u mistenni li jkun lest f’Marzu li ġej. Fi ftit ġimgħat oħra mistenni jibda x-xogħol ta’ skavar għall-proġett ta’ Outpatients ġdid fl-isptar Mater Dei, proġett li se jkun jiswa €175 miljun li mistenni jitlesta fis-sena 2025, u li ser jinkludi parkeġġ fuq żewġ livelli għal aktar minn 600 karozza. 

Id-Deputat Prim Ministru tratta wkoll l-investiment li qiegħed isir fit-teknoloġija robotika, kemm għal dak li huwa ħażna u tqassim ta’ mediċini fis-swali tal-isptar Mater Dei, kif ukoll fl-assistenza lill-kirurgi f’operazzjonijiet speċjalizzati.

“Konvinti li bid-diċentralizzazzjoni tas-servizzi tas-saħħa lejn il-komunità l-poplu jkun moqdi aktar, bdejna x-xogħol il-hub reġjonali tas-saħħa Vincent Moran f’Raħal Ġdid, proġett li mistenni jkun lest fis-sena 2021 bi spiża ta’ €36 miljun, filwaqt li dalwaqt tinħareġ sejħa għal Espressjoni ta’ Interess biex flimkien mal-privat ikollna Hub Reġjonali ieħor fit-tramuntana tal-pajjiż, bis-servizzi mediċi minnu jkunu provduti min-naħa tal-gvern,” qal id-Deputat Prim Ministru, filwaqt li rrefera għad-diversi ċentri tas-saħħa mal-pajjiż kollu, bl-aħħar żieda dak ta’ Ħal Kirkop, li minnu diġà bbenefikaw 200,000 pazjent, filwaqt li se jkunu qegħdin isiru xogħlijiet estensivi fuq dak tal-Gżira, li huma pjanati li jitlestew sa tmiem is-sena li ġejja, kif hu pjanat li jkun lest ukoll iċ-ċentru tas-saħħa fir-Rabat, Għawdex.

Id-Deputat Prim Ministru rrefera wkoll għal proġett ta’ tliet snin, li permezz tiegħu kull belt u raħal ikollhom berġa adekwata u mgħammra tajjeb, biex jipprovdu servizzi mediċi fil-komunità, bħalma hija dik taż-Żejtun, li se tinfetaħ fil-jiem li ġejjien. 

Fir-rigward tal-kura mentali, d-Deputat Prim Ministru rrefera għax-xogħlijiet li għaddejjin fuq żewġ blokok fl-isptar Mount Carmel, filwaqt li jitkompla wkoll il-programm li, permezz tiegħu, pazjenti li ma jkollhomx għalfejn jibqgħu jinżammu f’dan l-isptar jintbagħtu f’binjiet apposta biex ikunu jistgħu jgħixu ħajja indipendenti. Sadanittant, għaddej ix-xogħol b’konnessjoni ma’ bini ta’ sptar psikjatriku ġdid b’120 sodda, proġett stmat li se jkun jiswa €55 miljun, u li mistenni jkun lest fis-sena 2023.

“Ser inkomplu ndaħħlu aktar mediċini fuq il-formularju tal-gvern, fosthom għal diversi tipi ta’ kanċer bi spiża ta’ €18-il miljun, filwaqt li dawk li qegħdin fuq trattament tal-kanċer se jibdew jitħallsu tas-sick leave mill-ewwel jum. Se ndaħħlu insulini għal tfal bid-dijabete, filwaqt li ser jibda jsir użu mill-intelliġenza artifiċjali, mhux biss biex nikkuraw il-mard, imma wkoll biex nipprevenu,” qal id-Deputat Prim Ministru.

Huwa temm jgħid li, “hemm mijiet ta’ miżuri ta’ benefiċċju fil-Baġit, imma l-akbar waħda kienet dik li l-Prim Ministru Joseph Muscat se jkompli għaddej b’aktar baġits, u nħossni kburi li se nkun qed ngħin fihom.”