Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr192272

PR192272

24/10/2019

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA: Ħolqa oħra f’katina ta’ servizzi mediċi fil-komunità – rinovata l-Berġa taż-Żejtun

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne  inawgura l-Berġa tas-Saħħa fiż-Żejtun deskritta minnu bħala ħolqa oħra minn katina ta’ servizzi mediċi fil-komunità, parti minn pjan biex fuq medda ta’ tliet snin fil-pajjiż ikun hawn berġa tas-saħħa għal kull 5,000 ruħ, prattikament berġa f’kull belt u raħal. Mill-berġa taż-Żejtun se jkunu provduti ħames servizzi mediċi, tnejn minnhom ġodda.


Is-servizzi mediċi li se jkunu provduti huma dak tradizzjonali ta’ tabib tal-familja u infermier; is-servizz tal-patoloġija tal-lingwa mitkellma, li se jkun ikopri mhux biss ir-residenti Żwieten imma anke dawk ta’ Marsaxlokk u l-inħawi tal-qrib; is-servizz tal-podjatrija, servizz kompletament ġdid u li se jkopri ir-residenti taż-Żejtun, tal-Fgura, ta’ Ħal Għaxaq u ta’ Birżebbuġa; u s-servizz tal-fiżjoterapija, servizz li qed ikun introdott f’livell komunitarju għall-ewwel darba mill-Berġa taż-Żejtun.

Dan l-aħħar servizz se jkun ifisser li pazjenti li jkunu jeħtieġu trattamenti ta’ fiżjoterapija issa se jkunu qegħdin isirulhom it-testijiet tal-bidu fil-Berġa minflok kif qed isir bħalissa fiċ-Ċentru tas-Saħħa. Din il-miżura hija mistennija li se tħaffef l-aċċess tal-pazjenti għal dan it-trattament u allura jitnaqqas iż-żmien ta’ stennija peress li l-appuntamenti kollha fiċ-Ċentri tas-Saħħa se jkunu dedikati speċifikament għat-trattament. B’hekk, il-pazjenti ma jkollhomx għalfejn joqogħdu jistennew it-tieni appuntament biex jibdew bil-programm ta’ fiżjoterapija.

Id-Deputat Prim Ministru qal li, “is-servizzi li se jkunu provduti minn din il-Berġa jorbtu sew mal-kunċett il-ġdid li qegħdin nixprunaw biex is-servizzi jitressqu aktar qrib lejn ir-residenti fil-komunità. Madanakollu mhux kwistjoni ta’ konvenjenza biss imma wkoll għax servizzi mediċi fil-komunità jwassluk biex tersaq lejhom aktar qabel milli trid tmur għalihom f’post ċentralizzat bħalma huwa l-isptar. Ifisser li jekk ikun hemm xi ħaġa li sejra ħażin fis-saħħa tal-individwu din nindunaw biha aktar qabel milli kieku qagħad jittratjeni sakemm imur l-isptar, u allura l-kura meħtieġa tkun tista’ tingħata ferm qabel.”

L-ispiża fuq ir-rinovar tal-Berġa taż-Żejtun kienet tammonta għal madwar €60,000 li ġew provduti minn fond ta’ €10 miljun li aktar kmieni din is-sena ngħadda lid-Dipartiment tal-Kura Primarja  mill-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali  (NDSF).

Aspett importanti fil-viżjoni fit-tul dwar is-servizzi provduti mill-Bereġ u miċ-Ċentri tas-Saħħa huwa li s-servizzi jkunu sostenibbli u skont il-ħtieġa. L-installar ta’ apparat teknoloġiku fil-Bereġ u fiċ-Ċentri tas-Saħħa wkoll jifforma parti minn dan il-pjan ħolistiku ta’ riforma. Dawn is-servizzi jwasslu biex il-pazjenti jkunu trattati fil-komunità bir-riżultat li l-interventi meħtieġa jsiru aktar kmieni u allura jkun hemm prevenzjoni akbar kontra mard fit-tul.

“Sadanittant, fix-xhur li ġejjin id-Dipartiment tal-Kura Primarja se jkun qed jimbarka fuq programm ta’ ġbir tar-rekords tal-pazjenti b’mod elettroniku (EPR). Dan l-eżerċizzju huwa kkunsidrat bħala investiment essenzjali li permezz tiegħu s-servizz mediku lill-pazjent ikompli jkun simplifikat peress li l-aċċess għar-rekords ta’ kull pazjent individwali jkun aktar faċli u mħaffef. Huwa mistenni li sas-sena d-dieħla din is-sistema se tkun disponibbli f’kull Ċentru tas-Saħħa u f’kull Berġa fil-komunità”, qal id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.