Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr192290

PR192290

26/10/2019

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KULTURA U GVERN LOKALI Tnedija tal-11-il edizzjoni tal-Malta Comic Con: Ġie mniedi wkoll komik ġdid b’kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta u l-Kunsill Malti għall-Arti

Ġiet imnedija l-11-il edizzjoni ta' Malta Comic Con. Dan l-avveniment fuq jumejn se jara wkoll it-tnedija ta' publikazzjoni ta' komik ġdid bl-isem ta' Wicked Ghost Stories of Malta. Dan kien possibbli grazzi għal kollaborazzjoni ma' Heritage Malta u l-Kunsill Malti għall-Arti, li jaqgħu fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.

 

Waqt it-tnedija l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici stqarr li "permezz tal-appoġġ ta' dawn l-avvenimenti nistgħu nkomplu nagħtu kontribut għall-ekoloġija kulturali ta' pajjiżna billi nsostnu pjattaforma b'saħħitha għall-ħallieqa tal-komiks." Hu kompla jgħid li hu grat li avveniment bħal Malta Comic Con jkompli jikber u jitjieb ma' kull sena, "speċjalment minħabba li jipprovdi post mill-aqwa għal dawk li jħobbu l-komiks biex jiltaqgħu ma' dawk li joħolquhom u jesploraw din id-dinja unika permezz ta' materjal edukattiv u divertenti kemm għall-adulti kif ukoll għat-tfal."

 

Wicked Ghost Stories of Malta hija pubblikazzjoni li tinkludi stejjer dwar l-iħirsa f'Malta u ftit minnhom huma f'format ta' komik. Is-sezzjoni tal-komiks saret b'kollaborazzjoni ma' artisti tal-komiks kemm lokali kif ukoll barranin li fosthom hemm artisti stabbiliti fl-industrija, bħal like Ian Richardson, Mario Torrisi, Luisa Russo, Tim Perkins, Kevin Enhart u Jenika Ioffreda. Din il-pubblikazzjoni kienet tinkludi wkoll rakkonti qosra ta' iħirsa residenti f'siti mmaniġjati minn Heritage Malta.

 

Il-Malta Comic Con 2019 se jkollha żona ta' gaming akbar, kompetizzjonijiet ta' cosplay u workshops matul il-jumejn.

 

L-edizzjoni ta' din is-sena se tinkludi wkoll mistednin notevoli, fosthom John Higgins, artist tal-komiks magħruf għax-xogħol tiegħu fuq Watchmen u The Killing Joke, Ron Marz, artist tal-komiks magħruf għax-xogħol tiegħu ma' Marvel u DC Comics, Femi Taylor, attriċi u żeffiena magħrufa għall-parti ta' Oola fi Starwars: The Return of the Jedi, Jorgito Vargas attur magħruf  għall-parti tal-blue Ranger f'Power Rangers Ninja Storm, u Liliana Sorrentino, l-attriċi Taljana magħrufa l-aktar għax-xogħol tagħha bħala voice actor ta' karattri tal-anime bħal Pollon u Sayaka ta' Mazinger Z.

 

Il-Malta Comic Con 2019 hi ppreżentata minn Wicked Comics u se tittella' fit-2 u 3 ta' Novembru fl-MFCC. It-tfal taħt il-11-il sena jidħlu bla ħlas. Żur http://www.maltacomic-con.com/ għal aktar informazzjoni.