Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr192317

PR192317

30/10/2019

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI Hub diġitali li se jagħti permanenza lil dak kollu li qed iwettaq is-Servizz Pubbliku

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, qal li l-hub diġitali li qed jinvesti fih is-Servizz Pubbliku se jagħti permanenza lil dak kollu li qed jitwettaq mis-Servizz Pubbliku.

 

"Dan il-hub diġitali jrid ikun il-moħħ li minnu noħorġu b'ideat u nikkordinaw is-servizzi diġitali li nistgħu nagħtu. Irid ikun il-qalb li tagħti l-ħajja lill-Ministeri fix-xogħol tagħhom biex jittrasformaw is-Servizz Pubbliku. Irid ikun it-tmun li joffri viżjoni, tmexxija, kordinazzjoni u ħeffa fid-deċiżjonijiet. Irid jagħti permanenza lil dak kollu li qegħdin nagħmlu", qal is-Sur Cutajar filwaqt li fakkar li f'dawn l-aħħar snin Malta rnexxielha titla' u tibqa' fl-ewwel post fl-Ewropa fejn jidħol egovernment.

 

Huwa kien qed jindirizza seminar li matulu saret il-preżentazzjoni tar-riżultati tal-proġett għat-trasformazzjoni diġitali tal-Amministrazzjoni Pubblika. Il-proġett, iffinanzjat mill-Programm ta' Sostenn għar-Riforma Strutturali (SRSS), jittratta l-iżvilupp ta' Business Process Re-engineering Toolkit u Transformation Hub li se jsostnu l-investiment li qed isir f'teknoloġiji ġodda fl-amministrazzjoni pubblika biex naslu għal Servizz ta' Eċċellenza.

 

Is-Sur Cutajar qal li l-hub diġitali jrid jiffoka totalment fuq il-klijent, bħalma għamel is-Servizz Pubbliku f'dawn l-aħħar snin. Il-klijent irid jibqa' suprem, fiċ-ċentru ta' kollox, għax ma jistax ikollna Servizz Pubbliku ta' Eċċellenza jekk ma jżommx quddiem għajnejh il-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tal-klijenti mingħajr ebda eċċezzjoni.

 

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni semma kif fl-aħħar sitt snin is-Servizz Pubbliku ta prova tal-flessibbiltà, tal-viżjoni u tar-rieda tiegħu. Dan l-ewwel nett bit-twettiq tal-viżjoni ta' servizzi governattivi aċċessibbli 24 siegħa kuljum minn kullimkien, permezz ta' investiment bla preċedent fit-teknoloġija. Kienu sitt snin li matulhom is-Servizz Pubbliku ħa ħsieb li jilħaq l-aspirazzjonijiet tal-klijenti fuq barra, iżda issa jrid jikkonċentra wkoll fuq in-naħa ta' ġewwa, jiġifieri fuq min imantni s-servizz u jżommu għaddej.

 

Is-Sur Cutajar saħaq fuq il-ħtieġa li s-Servizz Pubbliku jeżamina u janalizza x-xogħol li għamel f'dawn is-sitt snin. Qal li fil-fatt diġà hemm numru ta' akkademiċi li qed jistudjaw l-effetti li ħalliet kull inizjattiva li ttieħdet, fejn fallejna u fejn kellna suċċess. "Hemm urġenza biex issir analiżi bħal din, għax ma tistax timxi 'l quddiem jekk ma tafx fejn int. L-eżamijiet li nagħmlu għalina nfusna jservu biex fejn għotorna, jew fejn ma wasalniex fejn ridna, inkunu fil-ħin biex nirranġaw l-affarijiet. Huwa importanti li nkunu fil-ħin, għax l-avvanzi fit-teknoloġija għaddejjin bil-galopp," qal is-Sur Cutajar.

 

Żied jgħid li t-tibdiliet fin-nies u fis-soċjetà m'għadhomx isiru bil-politiċi u bil-parlamenti iżda b'nies bla wiċċ li jivvintaw xi ċippa ġdida, u b'inġiniera li jivvintaw xi ħaġa differenti. Għalhekk is-Servizz Pubbliku jrid ikun ippreparat għal dak li se jiġri fil-futur, irid jantiċipa l-ħtiġijiet tal-klijenti u jeċċedi l-aspirazzjonijiet tagħhom.

 

Is-Sur Cutajar sostna li l-investiment fit-teknoloġija, madankollu, mhux biżżejjed. Daqstant ieħor huwa importanti l-investiment f'bidla fil-kultura u fil-mod kif naħsbu biex dak li hemm bżonn isir, iseħħ tabilħaqq.

 

Is-seminar kien indirizzat ukoll minn Joyce Dimech, Segretarju Permanenti għall-Istrateġija u l-Implimentazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, u minn tliet kelliema minn PwC Malta – Michel Ganado, Jake Azzopardi, u Justine Benoit.