Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr191948

PR191948

19/09/2019

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR, INDAFA PUBBLIKA U S-SOSTENN TAL-BELT KAPITALI: Open day tal-Awtorità dwar il-Mediċini biex tirikonoxxi l-avvanz fix-xjenza farmaċewtika u regolatorja

"Ix-xjenza farmaċewtika u regolatorja qed tespandi b'pass mgħaġġel biex tilħaq mal-ħtiġijiet tas-saħħa tal-pazjent. Għalhekk huwa importanti li dan l-avvanz jiġi marbut ma' riċerka xjentifika u żvilupp edukattiv tal-professjonisti billi jsegwu korsijiet edukattivi u robusti li jiżviluppaw il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa," qal is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Konsumatur, Indafa Pubblika u s-Sostenn tal-Belt Kapitali, Deo Debattista waqt diskors fl-okkażjoni tal-open day tal-Awtorità dwar il-Mediċini.

L-Awtorità dwar il-Mediċini tinkoraġġixxi l-impjegati professjonali jkomplu l-istudji tagħhom u jwettqu riċerka innovattiva f'oqsma strateġiċi tax-xjenza regolatorja. L-għarfien xjentifiku miksub huwa essenzjali biex l-Awtorità dwar il-Mediċini tkun rikonoxxuta internazzjonalment bħala entità ta' eċċellenza li tħaddan ħidma xjentifika fid-Direttorati kollha biex tissalvagwardja l-kwalità, is-sigurtà u l-effikaċja tal-mediċini għall-pazjenti fil-qafas Ewropew. Permezz ta' kollaborazzjonijiet ma' entitajiet nazzjonali u internazzjonali, l-Awtorità qed tnedi riċerka innovattiva f'oqsma ġodda bħal kannabis għal użu mediku u l-farmakoġenetika.

Taħt il-mandat tas-Segretarju Parlamentari Debattista, twaqqfet l-Akkademja għall-Eċċellenza u l-Innovazzjoni fi ħdan l-Awtorità dwar il-Mediċini u b'kollaborazzjoni mal-Malta Laboratories Network. L-Akkademja hija mibnija fuq sisien li jpoġġu l-pazjent fiċ-ċentru tal-ħidma u toffri taħriġ kurrenti li jqanqal il-kurżità intelletwali. Diversi korsijiet avvanzati qed jiġu organizzati fil-qasam tax-xjenza regolatorja bħal dawk dwar ir-regolamenti ġodda tal-Ewropa dwar l-apparat mediku, il-clinical trials u l-istandards tal-ISO, biex tkun assigurata l-kwalità f'kull proċess li jseħħ.

Għal dan il-għan, is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista jħeġġeġ liż-żgħażagħ biex japplikaw għall-korsijiet li jwassluhom biex jiggradwaw bħala spiżjara u pharamceutical technologists. Dawn il-korsijiet joffru opportunità unika sabiex jiġu żviluppati l-kompetenzi meħtieġa għall-karriera xjentifika li tikkontribwixxi biex Malta tkun fuq quddiem fir-riċerka u l-innovazzjoni fix-xjenza farmaċewtika u regolatorja.