Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr191957

PR191957

20/09/2019

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI “Il-Gvern ma jistax imexxi l-pajjiż mingħajr l-id il-leminija tiegħu, li hi s-Servizz Pubbliku” – Il-Prim Ministru

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li mingħajr is-Servizz Pubbliku l-Gvern ma jistax iwettaq il-manifest elettorali li bih ġie elett u li hu l-pjan ekonomiku u soċjali tal-pajjiż, ma jistax iwettaq il-Baġit għal kull sena u ma jistax iwettaq ir-rakkomandazzjonijiet ta' istituzzjonijiet indipendenti. Fi kliem ieħor, il-Gvern ma jistax imexxi l-pajjiż mingħajr l-id il-leminija tiegħu.

 

Il-Prim Ministru kien qed jitkellem f'konferenza għall-ogħla uffiċjali tas-Servizz Pubbliku li permezz tagħha ngħata bidu għall-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2019, li għandha t-tema 'Lejn Servizz ta' Eċċellenza'.

 

Huwa qal li wara l-miżuri li ttieħdu f'dawn l-aħħar snin biex inlestu lil Malta għall-futur ma hemmx biss il-pjan tal-Gvern iżda hemm ukoll is-Servizz Pubbliku li jwettaq. Il-Gvern u s-Servizz Pubbliku jimxu id f'id biex iwettqu l-pjan għall-pajjiż.

 

Kull uffiċjal pubbliku hu strumentali sabiex il-pajjiż jimxi tajjeb u kull deċiżjoni jew nuqqas ta' deċiżjoni għandha katina ta' konsegwenzi b'possibbiltà li jiġu affettwati ħafna nies. Inutli jkollna ekonomija soda, ħolqien ta' impjiegi rekord u Baġits tajbin jekk il-poplu ma jinqediex meta jmur jieħu servizz tal-Gvern, qal il-Prim Ministru.

 

Kien għalhekk li s-Servizz Pubbliku biddel l-approċ u l-mindset tiegħu u issa hu servizz għan-nies u mhux aktar maqtugħ  u mitluf fil-burokrazija interna. Is-Servizz Pubbliku għandu sehem kruċjali fid-demokrazija tal-pajjiż, u dan għax iżomm lill-Gvern kontabbli, fost oħrajn billi jagħti rendikont tal-implimentazzjoni tal-miżuri tal-Baġit, qal il-Prim Ministru filwaqt li esprima s-sodisfazzjon tiegħu li l-miżuri tal-Baġit qed jintrabtu mas-Sustainable Development Goals li pajjiżna hu marbut bihom permezz tal-Ġnus Magħquda.

 

Il-Prim Ministru temm jgħid li jemmen li s-Servizz Pubbliku għandu ħila jagħmel il-qabża li jmiss lejn servizz ta' eċċellenza, għax mhux talli ma għejiex, imma talli baqagħlu ħafna aktar x'joffri.

 

"Naslu għal Servizz ta' Eċċellenza billi niffokaw kompletament u bla eċċezzjoni fuq il-klijent" – Mario Cutajar

 

Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mis-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, li spjega li biex is-Servizz Pubbliku jwettaq il-viżjoni ta' Servizz ta' Eċċellenza jrid jiffoka kompletament u mingħajr eċċezzjoni fuq il-klijent. "In-nies jistennew gvern wieħed bla taħbil il-moħħ, u biex nagħtu s-servizz li jistennew minna n-nies irridu naħsbu bil-mod kif jaħsbu n-nies. Irridu npoġġu ruħna fiż-żarbun tagħhom, inħossu l-polz tagħhom. Hekk ifisser focus totali fuq il-klijent", qal is-Sur Cutajar.

 

Huwa fisser li l-viżjoni ta' Servizz ta' Eċċellenza tinkludi fiha: kif nagħmlu dejjem aktar l-aħjar użu mit-teknoloġija biex inwasslu s-servizzi tagħna; kif li jkollok bżonn servizz mingħand il-gvern ma jibqax ta' taħbil il-moħħ; kif is-Servizz Pubbliku jkun l-aħjar għodda f'idejn il-gvern biex insostnu l-iżvilupp ta' pajjiżna; kif jinxtered il-ġid bl-aħjar mod possibbli; u kif ikollna l-ħiliet li nfasslu l-policies meħtieġa biex il-poplu jgħix aħjar.

 

Dan kollu, sostna s-Sur Cutajar, mingħajr il-ħtieġa li tintmess imqar tikka żgħira mill-kontabilità tas-Servizz Pubbliku. Huwa semma kif f'dawn l-aħħar sitt snin twettqu b'kollox 1,350 miżura tal-Baġit u 710 rakkomandazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali. "Din hi kontabilità bil-fatti, governanza fil-prattika", qal is-Segretarju Permanenti Ewlieni.

 

Semma wkoll kif bħala parti mill-viżjoni ta' Servizz Pubbliku ta' Eċċellenza, fil-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku ta' din is-sena, għall-ewwel darba, se jingħataw Quality Labels lid-dipartimenti tal-gvern u l-entitajiet li tejbu l-ambjent fejn jaħdmu u l-proċessi kif jaħdmu u għamlu Quality Service Charter biex joffru servizz ta' eċċellenza.

 

Is-Sur Cutajar fisser kif f'dawn l-aħħar sitt snin, sforz l-enfasi kbira li għamel fuq il-klijenti tiegħu, is-Servizz Pubbliku ġabar is-servizzi kollha tiegħu taħt il-kappa ta' servizz.gov biex b'hekk il-klijenti għandhom aċċess għal dawn is-servizzi 24 siegħa kuljum matul is-sena kollha, kemm online kif ukoll permezz ta' mobile apps u hubs reġjonali li llum ilaħħqu għal ħamsa iżda li l-ħsieb hu li jirdoppjaw.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li l-viżjoni għal Servizz ta' Eċċellenza se titwettaq immedjatament wara l-istrateġija li tnediet din is-sena u li permezz tagħha s-Servizz Pubbliku se jasal għall-Once Only Principle, fejn il-klijent jagħti d-dettalji tiegħu darba biss u mhux kull darba li jkollu bżonn servizz.

 

Il-konferenza tal-lum ġiet indirizzata wkoll minn Klaus Schwarzenberger, imprenditur u inġinier tas-software, u Prajapati Trivedi, direttur anzjan fid-Direttorat għall-Ekonomija, iż-Żgħażagħ u s-Sostenibbiltà fi ħdan is-Segretarjat tal-Commonwealth f'Londra. Huma mexxew ukoll masterclasses għall-ogħla uffiċjali pubbliċi li attendew għall-konferenza.

 

Fi tmiem is-sessjoni ta' filgħodu tal-konferenza, is-Sur Cutajar indirizza konferenza tal-aħbarijiet fejn elenka l-attivitajiet kollha li se jiġu organizzati matul il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2019. Dawn l-attivitajiet, li jaslu fi tmiemhom il-Ħadd 29 ta' Settembru, se jinkludu fost oħrajn laqgħat għall-klijenti tas-Servizz Pubbliku, diversi attivitajiet edukattivi u divertenti għall-familja kollha, kif ukoll l-għoti għall-ewwel darba tal-Quality Service Awards lil dipartimenti u entitajiet.