Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr191968

PR191968

21/09/2019

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: Eluf iżuru l-mużewijiet u s-siti storiċi bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku

Eluf ta’ nies illum ħadu l-opportunità offruta lilhom minn Heritage Malta biex iżuru s-siti storiċi u l-mużewijiet f’Malta u Għawdex bla ħlas. Din kienet l-ewwel attività għall-familja kollha organizzata bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku ta’ din is-sena, li għandha t-tema ‘Lejn Servizz ta’ Eċċellenza’.

Matul il-jum tas-Sibt, il-membri tal-pubbliku laqgħu bi ħġarhom l-istedina ta’ Heritage Malta biex iżuru bla ħlas il-mużewijiet u s-siti storiċi kollha, ħlief l-Ipoġew u l-Forti Sant’ Iermu. Matul in-nofstanhar ta’ filgħodu biss, żaru l-mużewijiet u s-siti madwar 5,500 persuna.

Dawk li attendew kellhom l-opportunità li jmorru lura fiż-żmien u jsiru jafu aktar dwar il-ġrajjiet li sawru l-istorja ta’ pajjiżna permezz ta’ fejn iddawru mal-postijiet u ngħataw tagħrif storiku dwar is-siti rispettivi u l-artefatti esebiti.

Is-Sur Mario Cutajar, Direttur Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, kmieni wara nofsinhar indirizza attività għall-membri tal-media fejn spjega l-viżjoni ġdida ta’ Heritage Malta għas-snin li ġejjin u ta tagħrif dwar proġetti li qegħdin jitwettqu bħalissa. Huwa fisser il-mod li bih se jitwassal il-messaġġ tal-patrimonju Malti kif inhu relevanti għal-lum, u spjega kif is-siti ta’ Heritage Malta se jsiru hubs fuq iż-żewġ naħat tal-Port il-Kbir (il-Kottonera u l-Belt Valletta) u fiċ-ċentru ta’ Malta (ir-Rabat). Is-Sur Cutajar tkellem ukoll dwar l-eżerċizzju ta’ rebranding ta’ Heritage Malta.

Fl-indirizz tiegħu waqt din l-attività, l-Aġent Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, is-Sur Noel Zammit, tkellem dwar il-ħidma li għaddejja minn Heritage Malta u l-attivitajiet li qed jiġu organizzati bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2019.