Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr191971

PR191971

22/09/2019

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI Opportunità għall-pubbliku biex jara mill-qrib kif jaħdem id-Dipartiment tad-Dwana

Id-Dipartiment tad-Dwana llum fetaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku, f'ġurnata ta' attivitajiet għall-familja kollha organizzata bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2019, li għandha t-tema "Lejn Servizz ta' Eċċellenza".

 

F'Xatt Lascaris fil-Belt Valletta, il-membri tal-pubbliku setgħu jaraw kif jaħdem id-Dipartiment tad-Dwana biex jagħti servizz u protezzjoni liċ-ċittadini. Dan permezz ta' għoti ta' tagħrif dwar il-proċess tad-Dwana, esebizzjonijiet ta' makkinarju, wirjiet tal-klieb, logħob edukattiv u bosta attivitajiet oħra.

 

Il-ftuħ uffiċjali tal-attivitajiet sar mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar u mid-Direttur Ġenerali tad-Dwana Joseph Chetcuti. Is-Sur Cutajar esprima sodisfazzjon li d-Dwana qabdet aktar minn mitt miljun ewro fi droga u aktar minn ħamsin miljun ewro f'sigaretti bil-kuntrabandu, kif ukoll li fl-2018 kienet it-tielet l-aktar dwana fl-Unjoni Ewropea li qabdet prodotti foloz.

 

Is-Sur Cutajar qal li r-rwol tradizzjonali tad-Dwana qed jinbidel iżda huwa konvint li dan id-dipartiment hu kapaċi jżomm ruħu aġġornat ma' dan it-tibdil u jilħaq l-aspettattivi kollha ta' Servizz ta' Eċċellenza.

 

Min-naħa tiegħu, Joseph Chetcuti tkellem dwar l-istorja tal-binja tad-Dipartiment tad-Dwana u kif din għadha taqdi l-funzjoni tagħha sal-lum.

 

Il-membri tal-pubbliku li attendew għal din il-ġurnata ta' attivitajiet kellhom l-opportunità li jsiru jafu dwar l-istorja tal-binja ta' Custom House, il-logħba interattiva "Nothing to Declare" tad-Dipartiment tad-Dwana, il-mobile app b'informazzjoni relatata mal-proċeduri tad-Dwana u s-Sisa, l-oġġetti konfiskati mill-Intellectual Property Rights Unit, u t-tħejjijiet li għamel id-Dipartiment tad-Dwana għal Brexit.

 

Saru wkoll preżentazzjonijiet dwar l-operat u l-apparat tan-Non-Proliferation Unit, tal-Container Monitoring Unit u tal-Enforcement Unit kif ukoll preżentazzjonijiet dwar l-operat imwettaq mid-Dwana fl-Ajruport ta' Malta, fil-Parcel Post Office, u fl-Excise Unit.

 

Il-klieb li jgħinu lid-Dipartiment tad-Dwana fix-xogħol tiegħu serqu x-xena fid-diversi wirjiet li taw u li fihom il-pubbliku seta' japprezza l-ħiliet kbar tagħhom.

 

L-Open Day fid-Dipartiment tad-Dwana kienet it-tieni attività għall-familja kollha li ġiet organizzata bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku ta' din is-sena. L-ewwel waħda saret ilbieraħ, meta Heritage Malta fetħet bla ħlas is-siti u l-mużewijiet tagħha f'Malta u f'Għawdex u laqgħet 12,643 persuna li kkonkorrew għall-opportunità li tathom biex isiru jafu aktar dwar l-istorja ta' pajjiżna.