Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr191991

PR191991

24/09/2019

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI

​“L-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi għandu rwol importanti biex naslu għal Servizz ta’ Eċċellenza” – Mario Cutajar

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar dalgħodu fisser kif l-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi (IPS) għandu rwol importanti biex is-Servizz Pubbliku jkun wieħed brillanti b’servizzi eċċezzjonali, u dan billi jħarreġ in-nies skont il-ħtiġijiet tas-Servizz Pubbliku. “Kull investiment li jsir f’kull uffiċjal pubbliku hu investiment fil-poplu Malti,” qal is-Sur Cutajar. Hu kien qed jitkellem fl-attività IPS Foundation Day li saret bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2019, li għandha t-tema ‘Lejn Servizz ta’ Eċċellenza’.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni semma li l-predeċessuri tal-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi kollha kellhom element nieqes għax ma kinux parti mill-istrateġija ta’ fejn ried jasal is-Servizz Pubbliku. L-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi qed jimla din il-lakuna permezz ta’ korsijiet li jħejju lin-nies skont il-ħtiġijiet tas-Servizz Pubbliku. Hu importanti li kull kors offrut fl-Istitut ikollu fih l-elementi tal-viżjoni tas-Servizz Pubbliku, minbarra l-iżvilupp personali tal-persuna.

Is-Sur Cutajar qal li s-Servizz Pubbliku jrid jixpruna ruħu mis-suċċessi tal-pajjiż u jsostni l-ambjent adattat biex l-ekonomija tibqa’ tikber u biex il-ġid li qed jinħoloq jitqassam tajjeb fuq is-soċjetà kollha kemm hi. F’dawn l-aħħar sitt snin is-Servizz Pubbliku għamel progress sostanzjali, tant li minn pjattaforma politika fl-2013, issa huwa Servizz Pubbliku li jirbaħ il-premjijiet. Mhux biss, iżda l-fiduċja tan-nies fis-Servizz Pubbliku – skont il-Eurobarometer – bħalissa hija ta’ 70%, jiġifieri 18% aktar mill-medja fl-Unjoni Ewropea u qabża ta’ 12% f’ħames snin.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni żied jgħid li bħalma s-sena d-dieħla s-Servizz Pubbliku se jagħmel il-pass li jmiss, li se jkun wieħed ta’ konsolidament, hekk ukoll l-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi s-sena d-dieħla jrid jgħaddi għall-pass li jmiss, jiġifieri l-integrazzjoni tal-kwalità tal-istandards u t-taħriġ. Dan ifisser li l-Istitut – li s-sena li għaddiet ħarreġ mal-10,000 ruħ fi 399 kors – jisma’ xi jridu n-nies, iħarreġ lill-uffiċjali pubbliċi skont dak li jridu n-nies, itejjeb il-prodott imbagħad jerġa’ jibda mill-bidu f’ċirku li ma jiqafx. Dan biex is-servizzi mogħtija mis-Servizz Pubbliku jkunu servizzi ta’ eċċellenza, temm jgħid is-Sur Cutajar.

L-attività ta’ dalgħodu kienet indirizzata wkoll minn żewġ kelliema barranin – Dr Marian O’Sullivan, Direttur Ġenerali tal-Istitut għall-Amministrazzjoni Pubblika tal-Irlanda, u Jean-Francois Verdier, li għandu esperjenza twila fis-servizz pubbliku ta’ Franza. Tkellmu wkoll Dr Joyce Cassar, Segretarju Permanenti People & Sandards, Joanna Genovese, Direttur fi ħdan l-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi, u żewġ studenti li ngħataw borża ta’ studju mill-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi u li qasmu l-esperjenza tagħhom ma’ dawk preżenti.