Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr192000

PR192000

24/09/2019

STQARRIJA KONĠUNTA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAR-RIFORMI, ĊITTADINANZA U SIMPLIFIKAZZJONI TAL-PROĊESSI AMMINISTRATTIVI U MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI

Il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku tkompli b'rikonoxximent lil uffiċjali pubbliċi għall-ideat tagħhom

L-attivitajiet tal-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2019 komplew illejla b'ċerimonja ta' għoti ta' premjijiet fejn ingħata rikonoxximent lil uffiċjali pubbliċi li s-sena li għaddiet ressqu l-ideat tagħhom biex jitjieb l-operat tas-Servizz Pubbliku. Ingħata wkoll rikonoxximent b'rabta mal-miżuri ta' simplifikazzjoni implimentati matul l-2018, kif ukoll rikonoxximent ieħor bit-titlu Ippjanar u Twettiq.

F'diskors li għamlet f'din iċ-ċerimonja, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi Julia Farrugia Portelli faħħret ix-xogħol tal-ħaddiema fis-Servizz Pubbliku u saħqet kif huma strumentali biex bħala pajjiż ikompli jkollna riżultati pożittivi. Ferħet lil dawk il-ħaddiema fis-settur pubbliku li ssuġġerew ideat tanġibbli dwar kif is-servizz offrut lill-konsumatur jista' jkun imtejjeb. Qalet li ħafna minn dawn l-ideat u miżuri ppremjati waqt iċ-ċerimonja wasslu biex tnaqqset il-burokrazija.

Is-Segretarju Parlamentari kellha kliem ta' tifħir għal servizz.gov u spjegat kif dan se jkompli jiffaċilita l-ħajja tan-nies hekk kif mistenni li fix-xhur li ġejjin jirdoppja l-ammont ta' uffiċini reġjonali li joffru servizz lill-pubbliku.

"Nirrikonoxxu lil uffiċjali pubbliċi li fehmu l-viżjoni tagħna li naslu għal Servizz Pubbliku ta' eċċellenza" – Mario Cutajar

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, qal li b'ċerimonji bħal dik tal-lejla, is-Servizz Pubbliku jirrikonoxxi lil uffiċjali pubbliċi li fehmu l-viżjoni li naslu għal servizz ta' eċċellenza u qed jagħtu servizz biex din il-viżjoni titwettaq.

Is-Sur Cutajar semma l-ħdax-il premju li ngħata s-Servizz Pubbliku f'dawn l-aħħar sitt snin u qal li kieku ma kienx għall-ħidma ta' uffiċjali pubbliċi f'kull livell tal-amministrazzjoni pubblika, dawn il-premjijiet ma kinux jiġu. Dawn huma uffiċjali li fehmu l-messaġġ li s-Servizz Pubbliku telaq bih fl-2013 u fehmu l-viżjoni ta' Servizz ta' Eċċellenza, liema viżjoni hija r-rieda u t-triq li jridu jwasslu għall-aħjar Servizz Pubbliku li jista' jkollu pajjiżna.

"Illum qed nagħtu rikonoxximent lil min ippjana, issimplifika u ħareġ b'ideat biex is-Servizz Pubbliku jkompli jtejjeb l-operat tiegħu," qal is-Sur Cutajar. "Nemmen bis-sħiħ li jekk tieqaf tisma' l-ideat, in-nies jieqfu jkollhom l-ideat u l-motivazzjoni tagħhom għax-xogħol tmut."

Il-premjijiet fiċ-ċerimonja tal-lejla ngħataw fi tliet kategoriji differenti.  Tqassmu b'kollox tliet premjijiet bħala rikonoxximent għall-aħjar ideat li tressqu u ġew implimentati fl-2018 biex jitjieb l-operat tas-Servizz Pubbliku; żewġ premjijiet b'rabta ma' miżuri ta' simplifikazzjoni; u premju ieħor marbut mal-ippjanar u twettiq.

L-ewwel premju b'rabta ma' miżuri ta' simplifikazzjoni ngħata lill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali b'rikonoxximent għall-akbar numru ta' miżuri ta' simplifikazzjoni implimentati fl-2018. It-tieni premju ngħata lill-Ministeru għall-Finanzi b'rikonoxximent għall-implimentazzjoni tal-miżura ta' simplifikazzjoni fl-2018 li laqtet l-akbar numru ta' nies. Din il-miżura kienet marbuta mal-European Single Procurement Document, li permezz tiegħu kumpanija jew negozju interessat fix-xiri tal-Gvern m'għandux aktar għalfejn joqgħod jirreġistra d-dettalji tiegħu ma' kull sottomissjoni li jressaq iżda jipprovdi d-dettalji tiegħu darba biss.

Ir-rikonoxximent marbut mal-ippjanar u twettiq, li ngħata għall-ewwel darba, ġie mogħti lill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, li matul l-2018 kien l-aktar Ministeru li ppjana ħidmietu sew, żamm mal-pjani u wettaq l-akbar numru ta' miżuri.