Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr192010

PR192010

25/09/2019

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI “L-ebda employer ma jħabbatha mas-Servizz Pubbliku fejn jidħol il-bilanċ bejn il-familja u x-xogħol” – Mario Cutajar

"Ma hawn l-ebda employer ieħor li jħabbatha mas-Servizz Pubbliku fejn jidħol il-bilanċ bejn il-familja u x-xogħol. Is-Servizz Pubbliku huwa l-aktar employer li joffri miżuri family-friendly u flessibbiltà lill-ħaddiema tiegħu, mhux biss f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħarsien tat-tfal iżda wkoll mal-kura ta' anzjani u ħtiġijiet oħra."

Dan qalu s-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, f'konferenza tal-aħbarijiet fi tmiem l-attività In-Nies 360⁰ li saret bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2019. Din l-attività offriet lok għal diskussjoni fost id-diretturi fi ħdan is-Servizz Pubbliku li għandhom x'jaqsmu mar-riżorsi umani u kienet attività oħra ffokata għalkollox fuq in-nies fil-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku ta' din is-sena.

Is-Sur Cutajar spjega li bħalissa hemm mal-10,000 uffiċjal pubbliku li qegħdin jibbenefikaw mill-miżuri family-friendly, filwaqt li madwar 2,000 oħra jagħmlu użu mill-faċilità ta' ħinijiet imnaqqsa (reduced hours). Din hija prova qawwija ta' kemm is-Servizz Pubbliku jieħu ħsieb in-nies tiegħu, filwaqt li bl-ebda mod ma jonqos il-livell tas-servizz mogħti.

Is-Segretarju Permanenti qal li s-Servizz Pubbliku jistrieħ fuq in-nies biex jagħti s-servizzi tiegħu u huwa għalhekk li jagħmel aċċenn kbir fuq in-nies, anke matul il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku. Is-Servizz Pubbliku jinvesti fin-nies tiegħu mhux biss bil-miżuri li joffrilhom għal bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-familja iżda wkoll bit-taħriġ li jagħtihom permezz tal-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi, li s-sena li għaddiet biss ħarreġ lil madwar 9,000 uffiċjal pubbliku.

Is-Sur Cutajar żied jgħid li f'dawn l-aħħar sitt snin is-Servizz Pubbliku minn pjattaforma politika sar Servizz Pubbliku li jirbaħ l-awards, u dan huwa dovut għall-fatt li jinvesti fin-nies tiegħu u jpoġġihom fiċ-ċentru ta' dak kollu li jagħmel.

Is-Servizz Pubbliku qed jagħmilha ċara li jrid strutturi permanenti biex l-investiment li qed jagħmel fin-nies jingħata permanenza. Dan billi kull dipartiment tar-riżorsi umani fi ħdanu jkun armat biżżejjed biex jaħdem għall-iżvilupp ta' kull persuna, għall-għajnuna fil-waqt u għal kull ħtieġa oħra li jkollha l-persuna fit-totalità tagħha. Wasal iż-żmien ukoll li ssir qalba minn riżorsi umani għal people management, biex noqorbu dejjem aktar lejn it-twettiq tal-viżjoni ta' Servizz Pubbliku ta' eċċellenza.

Is-Sur Cutajar fakkar li s-sena d-dieħla se tkun sena ta' konsolidament fejn is-Servizz Pubbliku se jeżamina b'mod xjentifiku l-effett ta' kull miżura li ħa f'dawn l-aħħar snin, jirranġa fejn ir-riżultati ma kinux kif mixtieq, u jkompli jibni fuq dak li twettaq.