Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr192014

PR192014

26/09/2019

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: Jiggradwaw 300 uffiċjal pubbliku ieħor mill-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi

Illum kien jum speċjali għal 300 uffiċjal pubbliku li ggradwaw wara li temmew b'suċċess korsijiet fl-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi. B'hekk minn meta twaqqaf dan l-Istitut fl-2016 sal-lum, iggradwaw minnu b'kollox madwar 1,160 uffiċjal pubbliku. Iċ-ċerimonja ta' gradwazzjoni tal-lum kienet waħda mill-attivitajiet organizzati matul il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2019, li għandha t-tema "Lejn Servizz ta' Eċċellenza".

Meta indirizza lill-gradwati, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar ferħilhom għall-impenn tagħhom biex jiżviluppaw u jtejbu ħiliethom u saħaq li l-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi – li twaqqaf bi sħubija strateġika mal-Università ta' Malta u l-MCAST ­– huwa ħolqa importanti fil-viżjoni tas-Servizz Pubbliku biex dejjem jersaq lejn Servizz ta' Eċċellenza. Huwa qal li ladarba jaħdem f'kuntest, is-Servizz Pubbliku ma għandux jimxi waħdu u kien għalhekk li f'dawn l-aħħar snin sieħeb lilu nnifsu ma' setturi oħra biex jasal għat-twettiq tal-għanijiet tiegħu.

Bħala eżempju, is-Sur Cutajar semma l-ħolqien ta' servizz.gov, fejn is-Servizz Pubbliku ssieħeb mas-settur privat biex għamel qabża kbira 'l quddiem fil-mod kif iwassal is-servizzi għand il-klijenti. "Ma rridux Servizz Pubbliku li jaħdem irrispettivament mill-klijenti tiegħu, kif għamel għal snin twal," qal is-Segretarju Permanenti Ewlieni.

Huwa spjega li s-Servizz Pubbliku kien ilu jħoss il-ħtieġa li jħarreġ aktar lin-nies tiegħu u li jħarriġhom b'mod li jwassalhom biex jagħtu servizz mibni fuq l-erba' pilastri tal-kwalità. Kien għalhekk li twaqqaf l-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi, li hu ġeneru ġdid ta' kulleġġ li jipprovdi speċifikament għall-ħtiġijiet tas-Servizz Pubbliku.

Is-Sur Cutajar esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dak li rnexxielu jwettaq dan l-istitut fi tliet snin biss, tant li llum joffri mal-400 kors u s-sena li għaddiet ħarreġ mal-10,000 ruħ. Huwa qal li issa ninsabu fit-triq li twassalna għall-pass li jmiss – dak li ngħaqqdu strutturalment il-kwalità mat-taħriġ, għax huma l-istrutturi li jagħtu permanenza lil dak li qed jitwettaq.

"Dak li rnexxielna nwettqu f'dawn l-aħħar tliet snin wara t-twaqqif tal-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi jixprunana għal dak li rridu nwettqu fiż-żmien li ġej. Irridu naslu għal Servizz ta' Eċċellenza, mhux bil-kliem iżda b'rieda li meta l-klijent ikollu bżonn servizz tal-gvern ma jaqtax qalbu jew jaraha bħala xi ħaġa ta' taħbil il-moħħ. Pajjiż li qed jagħmel suċċess ekonomiku kbir u li jrid iżomm ir-ritmu li qabad ma jistax ikollu Servizz Pubbliku li ma jindirizzax l-aspettattivi tan-nies u ma jeċċedix l-aspirazzjonijiet tagħhom," temm jgħid is-Sur Cutajar.

Iċ-ċerimonja kienet indirizzata wkoll mill-Professur James Calleja, Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST, u mill-Professur Alfred Vella, Rettur tal-Università ta' Malta.

Il-Professur James Calleja tkellem dwar l-importanza tal-edukazzjoni tul il-ħajja u l-iżvilupp professjonali kontinwu tal-persuna. Huwa qal li hemm bosta ażjendi mseħbin mal-MCAST biex joffru opportunitajiet ta' apprendistat lill-istudenti u huwa importanti li anke s-Servizz Pubbliku joffri dan it-tip ta' apprendistat.

Il-Professur Alfred Vella semma li tul dawn l-aħħar tliet snin l-Università ta' Malta kompliet iżżid l-oqsma fejn tikkollabora mal-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi, permezz ta' korsijiet f'oqsma bħat-tmexxija, it-taxxa u l-amministrazzjoni pubblika. Huwa qal li l-ħidma bejn l-Università u l-Istitut qed tagħti riżultati tanġibbli u l-istudenti li ggradwaw illum huma l-aqwa riżultat tanġibbli ta' din il-ħidma.