Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr192024

PR192024

26/09/2019

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI “servizz.gov huwa l-mezz prinċipali biex naslu għal servizz ta’ eċċellenza ” – Mario Cutajar

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, qal li servzz.gov biddel il-kunċett ta' kif is-Servizz Pubbliku jagħti s-servizzi tiegħu, kien il-katalista tal-qabża kbira fil-fiduċja tan-nies fis-Servizz Pubbliku, u huwa l-mezz prinċipali biex naslu għal servizz ta' eċċellenza. Is-Sur Cutajar kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2019, fejn elenka s-servizzi u s-suċċessi ta' servizz.gov f'dawn l-aħħar snin u l-viżjoni dwar servizz.gov għall-ġejjieni.

 

Is-Sur Cutajar spjega kif permezz ta' servizz.gov, li hija sħubija pubblika-privata ma' Centrecom, is-Servizz Pubbliku wettaq l-għan tiegħu li jressaq is-servizzi lejn iċ-ċittadin u b'hekk tejjeb l-esperjenza tal-klijent meta jiġi bżonn is-servizzi tal-Gvern. Dan permezz tal-Freephone 153, l-online one-stop-shop www.servizz.gov.mt, il-ftuħ ta' ċentri reġjonali u l-ħolqien tal-mServices.

 

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni semma kif fl-2015, il-Freephone 153 beda b'medja ta' 2,500 telefonata fix-xahar filwaqt li llum il-medja hija ta' 48,000 fix-xahar. L-online one-stop-shop www.servizz.gov.mt fl-2017 beda b'19,000 hit fix-xahar, filwaqt li llum il-hits jammontaw għal medja ta' 42,000 fix-xahar.

 

Dwar il-walk-ins fil-ħames ċentri reġjonali, is-Sur Cutajar qal li l-istatistika turi li n-numri baqgħu stabbli u dan ifisser li qed jintlaħaq l-għan li filwaqt li jiġi offrut servizz wiċċ imb'wiċċ – li għad hemm domanda għalih – jiżdied l-online take-up. Fl-ewwel sitt xhur wara li twaqqfu ċ-ċentri reġjonali, il-walk-ins fiċ-ċentri reġjonali kienu jammontaw għal 19,000 – l-istess ċifra għall-ewwel sitt xhur ta' din is-sena.

 

Is-Sur Cutajar tkellem ukoll dwar l-mServices u qal li filwaqt li dawn tniżżlu b'medja ta' 2,500 download fix-xahar fl-ewwel sitt xhur mit-tnedija tagħhom fl-2017, illum il-medja hija ta' 3,400 download fix-xahar. Semma wkoll il-ftuħ tat-tliet ċentri speċjalizzati ta' servizz.gov din is-sena: 'Edu servizz.gov' f'Jannar, 'Ċentru Servizz Familja' f'Marzu, u 'Taxpayer Service' servizz.gov li nfetaħ f'Mejju u li huwa l-iktar ċentru mfittex miċ-ċittadini. Dan minbarra 'Business 1st', li hu ċentru speċjalizzat biex jgħin lil dawk li għandhom jew jixtiequ jiftħu negozju.

 

Is-Sur Cutajar qal li fl-2018 ġiet introdotta sistema ta' appuntamenti fiċ-ċentri reġjonali. Meta mqabbla mal-2018, id-domanda għall-appuntamenti din is-sena tripplat u b'kollox, minn meta bdiet is-sistema tal-appuntamenti, inqdew mal-2,000 ċittadin b'appuntament.

 

 

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni elenka suċċessi oħra ta' servizz.gov, fosthom iż-żieda fin-numru ta' servizzi offruti minn www.servizz.gov.mt li minn 850 servizz fl-2017 issa żdiedu għal 1,200, id-diversi premjijiet li rebaħ servizz.gov fosthom il-Premju Internazzjonali għad-Disinn tas-Servizzi, kif ukoll il-fatt li l-freephone 153 issa huwa aċċessibbli wkoll minn barra minn Malta.

 

Is-Sur Cutajar qal li s-suċċessi ta' servizz.gov mistennija jkomplu jiżdiedu fiż-żmien li ġej, meta l-aġenzija se jkollha kwartieri ġodda, se jirdoppja n-numru ta' ċentri reġjonali, u se jkun hemm aktar servizzi online.

 

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mis-Sur Robert Spiteri, Group General Manager ta' Centrecom, li tkellem dwar kif servizz.gov kiber fl-erba' snin li ilu mwaqqaf. Huwa qal li dan is-suċċess ma jidhirx biss fiċ-ċifri iżda wkoll fid-diversità tal-operat.