Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr192036

PR192036

27/09/2019

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: Jingħata l-Quality Award lil tliet entitajiet pubbliċi li taw servizz ta’ eċċellenza

Għall-ewwel darba, illum is-Servizz Pubbliku rrikonoxxa lil tliet entitajiet fi ħdanu li taw servizz ta’ eċċellenza. Dan ir-rikonxximent ingħata permezz tal-Quality Awards, li tqassmu f’ċerimonja li saret bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2019, li għandha t-tema “Lejn Servizz ta’ Eċċellenza”. Il-Quality Awards tqassmu mill-President ta’ Malta, George Vella, u mis-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar.

It-tliet entitajiet li ngħataw il-Quality Award huma Business 1st, l-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali, u l-hubs reġjonali ta’ servizz.gov. Il-Quality Award, li jitwaħħal bħala plakka mal-bieb tad-dipartiment jew entità li jirċevuha, jingħata wara proċess sħiħ li matulu d-dipartiment jew entità konċernati jtejbu l-ambjent tax-xogħol, jagħmlu l-proċessi tagħhom aktar user-friendly u jfasslu Quality Service Charter, fost miżuri oħra. L-entità li tingħata Quality Award jibqa’ jsirilha monitoraġġ kontinwu, anke permezz ta’ mystery shoppers, biex ikun assigurat li l-livell tas-servizz ma jonqosx. Jekk il-livell jonqos, il-Qualty Award jittieħed lura.

Il-President George Vella ta messaġġ ċar ta’ appoġġ lix-xogħol imwettaq mis-Servizz Pubbliku. Huwa faħħar il-firxa wiesgħa ta’ oqsma li messet il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku u b’mod partikolari l-fatt li matul din il-ġimgħa l-ogħla uffiċjali pubbliċi kellhom l-opportunità li joħorġu b’rakkomandazzjonijiet ħalli s-Servizz Pubbliku jkompli jtejjeb il-livell tas-servizz tiegħu. Mhux biss, iżda huwa pożittiv ħafna wkoll il-fatt li fil-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku jinfetħu l-bibien għall-membri tal-pubbliku biex japprezzaw aħjar il-ħidma tas-Servizz Pubbliku, u dan permezz ta’ diversi attivitajiet għall-familja.

Il-President żied jgħid li s-Servizz Pubbliku hu s-sinsla indispensabbli tal-amministrazzjoni u t-tmexxija tal-pajjiż u għalhekk huwa pożittiv ħafna t-tibdil li qed iseħħ fi ħdan is-Servizz Pubbliku biex jgħolli l-livell tal-kwalità tas-servizzi li joffri u jagħti servizz dejjem b’doża ta’ rispett u kompassjoni. Il-President kompla jgħid li l-progress li qed isir fi ħdan is-Servizz Pubbliku jimxi id f’id mal-iżvilupp li sar fil-pajjiż f’dawn l-aħħar snin.

Filwaqt li faħħar l-inizjattiva li jingħata rikonoxximent lill-entitajiet li joffru l-ogħla livell ta’ servizz pubbliku, il-President irringrazzja lill-ħaddiema kollha tas-Servizz Pubbliku għax-xogħol li jagħmlu kuljum mingħajr daqq ta’ trombi biex il-pajjiż jimxi ’l quddiem u ċ-ċittadin isib fis-Servizz Pubbliku l-milja tal-effiċjenza.

F’diskors li għamel waqt iċ-ċerimonja, is-Segretarju Permanenti Ewlieni spjega t-tibdil kbir li seħħ fi ħdan is-Servizz Pubbliku f’dawn l-aħħar sitt snin biex joqrob dejjem lejn servizz ta’ eċċellenza. Bħala parti minn din il-bidla radikali, is-Servizz Pubbliku dawwar il-mod kif jaħdem u kif jikkomunika mal-klijenti tiegħu għax ra li ma jistax jaħdem indipendentement mill-klijenti iżda jrid jiffoka b’mod totali u bla eċċezzjoni fuq il-klijent f’dak kollu li jagħmel.

Is-Servizz Pubbliku, li llum sar wieħed li jirbaħ awards anke internazzjonali, f’dawn l-aħħar sitt snin għaraf jinvesti fit-taħriġ tan-nies tiegħu kif ukoll fit-teknoloġija. Fuq kollox, iddefinixxa x’inhu servizz ta’ kwalità u beda jkejjel din il-kwalità skont erba’ pilastri: vuċi, disinn, pakkett u kontabilità.
Is-Sur Cutajar qal li waqt li kien għaddej dat-tibdil kollu, is-Servizz Pubbliku beda jisma’ l-ideat tan-nies dwar kif jista’ jtejjeb lilu nnifsu. Dan għaliex it-teħid tad-deċiżjonijiet qabel kien isir ’il bogħod wisq minn fejn isir ix-xogħol.

Il-Quality Awards li tqassmu llum se jkunu eżempju ta’ kif entitajiet oħra għandhom jaħdmu biex is-Servizz Pubbliku jrodd lura lill-klijenti tiegħu l-fiduċja li qed juru fih, biex l-ekonomija ta’ pajjiżna tibqa’ soda u biex il-ġid li jinħoloq jinfirex aktar filwaqt li l-progress ikun sostnut billi nibnu Servizz Pubbliku brillanti b’servizzi eċċezzjonali, temm jgħid is-Sur Cutajar.