Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr192058

PR192058

29/09/2019

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI “Ġimgħa fejn urejna li niffokaw fuq iċ-ċittadin mingħajr eċċezzjoni ta’ xejn” – Mario Cutajar

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, qal li l-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2019 għal darba oħra kienet ġimgħa għas-servizz, u mhux tas-servizz, u dan għaliex iċ-ċittadin huwa l-focus tas-Servizz Pubbliku mingħajr eċċezzjoni ta' xejn.

Is-Sur Cutajar kien qed jitkellem fil-ftuħ ta' Open Day fl-Għammieri li saret illum bħala l-aħħar attività tal-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2019, li kellha t-tema "Lejn Servizz ta' Eċċellenza". Għal din l-open day kien hemm konkorrenza tajba ħafna tant li attendew għaliha eluf ta' nies minn kmieni. Fl-Għammieri stess illum saret ukoll l-aħħar laqgħa minn sensiela ta' laqgħat mal-klijeni organizzati bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku. Il-laqgħa tal-lum kienet tittratta dwar servizz.gov.

Fid-diskors tiegħu, is-Sur Cutajar radd ħajr lill-ħaddiema involuti biex l-attività tal-lum tkun suċċess u qal li open day bħal din hija okkażjoni tajba biex biha tingħalaq il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku. Spjega kif l-attivitajiet kollha ta' din il-ġimgħa ttrattaw dwar dak li qed jagħmel is-Servizz Pubbliku biex jasal għal servizz ta' eċċellenza. Fuq kollox matul din il-ġimgħa s-Servizz Pubbliku wera li l-klijent jinsab fiċ-ċentru ta' dak kollu li jagħmel u kien għalhekk li ġew organizzati diversi laqgħat biex is-Servizz Pubbliku jisma' x'qed jistennew minnu l-klijenti tiegħu.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni żied jgħid li l-Għammieri llum huwa ċentru b'potenzjal kbir ta' riċerka kif ukoll farm sperimentali, u għandu jkun il-bażi minn fejn il-bdiewa u r-raħħala jiġu inkoraġġuti biex jixprunaw sistemi ġodda fil-biedja. Is-Servizz Pubbliku llum qed jaħdem b'sistema fejn ma jistenniex lill-klijenti jmorru għandu, iżda jmur hu għand il-klijenti, u l-istess qed jagħmel mal-bdiewa u r-raħħala.

Is-Sur Cutajar irringrazzja lill-ħaddiema tal-Għammieri għall-ħidma li għamlu biex biddlu l-post għal kif inhu llum. Radd ħajr ukoll lill-ħaddiema kollha tas-Servizz Pubbliku u saħaq li lkoll flimkien se jwettqu r-rieda li jkollna Servizz Pubbliku ta' eċċellenza li jrodd lura lin-nies il-fiduċja li qed juru fih.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil tal-Klima, is-Sur Joseph Caruana, qal li jħossu kburi li l-attività tal-lum intgħażlet biex tkun parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2019, li qed tiffoka fuq servizz ta' eċċellenza. L-Għammieri għal żmien twil kien magħruf għal burokrazija eċċessiva fl-operat tiegħu, iżda f'dawn l-aħħar snin ħadem qatigħ biex wettaq proċess ta' simplifikazzjoni, qal is-Sur Caruana.

Filwaqt li semma kif l-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali kienet waħda mill-ewwel entitajiet li ngħataw il-Quality Award bħala rikonoxximent tal-livell eċċellenti tas-servizz li tagħti, is-Sur Caruana tkellem ukoll fuq l-importanza li l-amministrazzjoni pubblika tiżgura s-sostenibbiltà tas-settur tal-biedja.

L-open day fl-Għammieri offriet opportunità unika għal dawk li żaruha biex jaraw mill-qrib x'tinvolvi l-ħidma tal-bdiewa u r-raħħala biex jipprovdulna l-ikel ta' kuljum. Fost attrazzjonijiet oħra, kien hemm wirjiet b'tagħrif dwar prodotti li jipproteġu l-pjanti, makkinarju agrikolu antik u modern kif ukoll il-produzzjoni tal-inbejjed.

Il-viżitaturi setgħu jidħlu wkoll f'serer fejn tgħallmu dwar it-tkabbir tal-ħwawar u sistemi ta' irrigazzjoni. Raw mill-qrib ukoll l-annimali li jitrabbew fl-Għammieri, fostom baqar, barrin u tiġieġ Maltin, u ngħataw l-opportunità li jitimgħu l-mogħoż u jaħilbuhom bil-mod tradizzjonali. Barra minn hekk, il-membri tal-pubbliku setgħu jagħżlu li jieħdu guided tours fl-Għammieri stess u fil-mixtla li hemm fil-qrib.

Għat-tfal ġew organizzati attivitajiet apposta b'temi marbuta mal-biedja, fosthom crafts, wirjiet ta' pupazzi u opportunità li jmellsu l-annimali u jirkbu l-ponijiet.