Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr200646

PR200646

09/04/2020

​STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, INVESTIMENT, NEGOZJI ŻGĦAR: Ħlasijiet tas-Suppliment Salarju Covid-19, Leave tal-Kwarantina u Telework ser jibdew mill-ġimgħa d-dieħla

​Ġew salvati aktar minn 60,000 impjieg permezz tal-miżuri ekonomiċi ta’ appoġġ 


Il-ħlasijiet tas-Suppliment tal-pagi Covid-19 li jkopru x-xhur ta’ Marzu u April, il-ħlas tal-leave tal-kwarantina, u l-inċentiv tal-iskema Telework huma mistennija li jibdew jitħallsu mill-ġimgħa d-dieħla

S’issa kien hemm 12,885 kumpanija u persuni li jaħdmu għal rashom (self-employed) li applikaw għas-suppliment tal-paga li minnhom 74% (9474) jaħdmu għal rashom, 22% (2,877) kumpaniji, 3% (332) sħubijiet u 2% (202) elenkati bħala oħrajn. Dan jissarraf f’            62,766 impjegat li jistgħu jibbenefikaw mis-Suppliment tal-paga COVID-19 li minnhom 52,703 huma impjegati full-time u l-10,063 huma impjegati part-time, li jfisser li l-maġġoranza tal-applikanti huma intitolati għall-assistenza sħiħa tas-Suppliment tal-pagi. 

Is-setturi ewlenin li minnhom il-kumpaniji applikaw għall-paga sħiħa tas-Suppliment tal-pagi COVID-19 huma s-settur tal-akkomodazzjoni u tal-ikel, wholesale and retail trade, it-tiswija tal-vetturi, is-servizzi amministrattivi u ta’ appoġġ u s-setturi tat-trasport u ħażna. 97% tal-applikanti huma bbażati f’Malta filwaqt li 3% huma bbażati f’Għawdex.  

“Permezz ta’ din l-informazzjoni issa għandna stampa aktar ċara tas-setturi li fil-biċċa l-kbira tagħhom kienu milquta minn COVID-19. Fl-istess ħin bħala Gvern aħna kontinwament qegħdin insegwu s-sitwazzjoni b’mod ħolistiku billi nżommu diskussjonijiet kontinwi mal-partijiet interessati kollha. L-ewwel lott ta’ applikazzjonijiet għas-suppliment tal-paga COVID-19 li tant huma mistennija issa mxew ‘il quddiem lejn l-istadju ta’ evalwazzjoni. Malta Enterprise issa tinsab f’pożizzjoni aħjar biex tipproċessa dawn l-applikazzjonijiet b’mod aktar effiċjenti, billi taħdem mill-qrib ma’ dipartimenti oħra biex tiżgura l-effiċjenza, ittejjeb il-preċiżjoni u ttaffi l-abbużi. Il-ħlasijiet tas-Suppliment tal-pagi covid-19 li jkopru x-xhur ta’ Marzu u April mistennija jibdew jitħallsu mill-ġimgħa d-dieħla. Dan b’investiment ta’ €100 miljun.  Hemm ħafna aktar applikazzjonijiet li qed jiġu analizzati.  L-applikanti kollha se jirċievu email biex jikkonfermaw jekk l-applikazzjoni tagħhom kinitx aċċettata jew le”, spjega  l- Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri.   

Il-Ministru Schembri spjega li permezz ta’ dawn il-miżuri diġà qed insalvaw aktar minn nofs tal-impjiegi li kienu f’riskju li jitilfu l-impjiegi tagħhom, xi ħaġa li kienet rikonoxxuta anki mill-Kamra tal-Kummerċ.
Mit-tnedija tal-ewwel pakkett ta’ għajnuna finanzjarja, Malta Enterprise sa issa rċeviet 250 applikazzjoni għall-iskema tat-Telework immirata lejn kumpaniji li qed jinvestu f’sistemi ta’ teleworking, li minnhom aktar minn 30 applikazzjoni kienu assistiti minn Malta Enterprise. Is-somma sa issa hija ta’ madwar €40,000, somma li hija mistennija li tiżdied għall-mijiet ta’ eluf peress li aktar applikazzjonijiet għadhom qed jiġu pproċessati u għandhom jiġu konklużi fil-jiem li ġejjin.

Fir-rigward tal-inċentiv tal-Leave tal-Kwarantina, il-proċess ta’ evalwazzjoni huwa fi stadju avvanzat u l-pagamenti se jibdew il-ġimgħa d-dieħla. In-numru totali ta’ applikazzjonijiet li waslu sa issa jammonta għal 1,112, li jkopri 2,375 impjegat.

L-ammonti kbar ta’ pagamenti li jeħtieġ li jiġu affettwati minn Malta Enterprise fir-rigward ta’ din il-miżura partikolari, se jsiru f’diversi fażijiet. Il-fondi se jiġu trasferiti għall-kontijiet tal-Bank indikati mill-applikanti fil-formoli ta' applikazzjoni tagħhom. Min iħaddem huwa obbligat  li jgħaddi s-Suppliment tal-pagi direttament lill-impjegati tagħhom sa miċ-ċekk tal-paga li jmiss.

“Hija r-responsabbiltà ta’ min iħaddem li jgħaddi l-pagament lill-impjegati tagħhom. Aħna mhux se nittolleraw l-abbużi. Biex tiżgura dan, Malta Enterprise se tibgħat nota lil min iħaddem, wara l-ewwel fażi ta’ ħlas li tkopri Marzu u April, biex tikkonferma li  min iħaddem jitħallas u jekk l-informazzjoni sottomessa għadha valida għal pagamenti futuri. Jekk min iħaddem jinqabad bi ksur, dan jaffettwa l-assistenza futura. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ trasferiment ta’ dawn il-fondi lill-impjegati se jitqies bħala reat kriminali. F’xenarju bħal dan, Malta Enterprise tirriżerva d-dritt li tippubblika lista ta’ kumpaniji li jirċievu din l-assistenza governattiva u li twettaq ukoll kontrolli fuq il-post permezz ta’ sejħiet lill-impjegati tagħhom, sabiex tivverifika li s-Suppliment tal-paga jkun għadda”, qal il-Ministru Schembri.

Kurt Farrugia, il-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Enterprise, qal li mit-tħabbir tal-ewwel miżuri ta’ appoġġ għall-ekonomija, iċ-ċentru tal-għajnuna 144 sar il-punt ta’ riferiment ewlieni għan-negozji fiċ-ċirkostanzi attwali. “In-numru ta’ mistoqsijiet riċevuti fuq bażi ta’ kuljum ilaħħaq il-medja ta’ 3,000 kuljum u qed ikunu mwieġba permezz tal-Helpline 144, emails u mill-istaff ta’ Malta Enterprise. Matul l-aħħar 3 ġimgħat, il-Helpline 144 waħdu rċieva aktar minn 16,000 telefonata. In-numru ta’ mistoqsijiet li rrispondew permezz ta ' 144 u l-impjegati matul l-aħħar 3 ġimgħat kien aktar minn 35,000”, qal Kurt Farrugia.

Huwa spjega li l-maġġoranza tal-impjegati ta’ Malta Enterprise tħarrġu sabiex jassistu kemm jista’ jkun, kemm permezz ta’ callbacks tat-telefon u tweġibiet dettaljati permezz tal-email. 

“Aħna ingaġġajna wkoll fl-isforzi ta’ relazzjonijiet pubbliċi biex nispjegaw il-proċess li bih wieħed jimla dawn l-applikazzjonijiet. F’dan iż-żmien, l-applikazzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati biss online. Idealment, il-klijenti li mhumiex komdi jużaw l-Internet, jistgħu jitolbu l-għajnuna ta’ individwu fdat jew tal-accountant tagħhom. Malta Enterprise għamlet ukoll numru ta’ video seminars sabiex tiddeskrivi l-proċess ta’ applikazzjoni. Kemm l-impjegati kif ukoll min iħaddem qed japprezzaw l-isforzi ta’ Malta Enterprise u l-assistenza sostanzjali li l-Gvern għamel disponibbli f’dan iż-żmien partikolari. Malta Enterprise hija miftuħa li tisma’ r-rispons mill-klijenti tagħha u aħna dejjem  inkomplu nagħmlu l-almu tagħna sabiex nilħqu l-aspettattivi tagħhom, inkluż matul dawn iċ-ċirkostanzi partikolari ħafna”, qal is-Sur Farrugia.

Huwa rrimarka li meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra, il-pakkett li l-Malta Enterprise għandha dalwaqt tiġi biex tagħti l-flus biex tappoġġja l-impjieg se jkun l-ewwel wieħed tax-xorta li se jiġi implimentat fattwalment fuq livell globali. 

Il-Ministru Schembri tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jisma’ t-tħassib tan-negozji biex ikunu mħarsa l-impjiegi. “Nirringrazzja lill- ħaddiema kollha f’Malta Enterprise kif ukoll lill-istaff fis-segretarjat tiegħi, li qed jaħdmu kontinwament biex jgħinu lin-negozji tagħna matul tali żmien delikat. Aħna nibqgħu mpenjati li nisimgħu l-bżonnijiet tagħkom u ngħinukom kontinwament. L-impenn ta’ kulħadd huwa kruċjali għall-aħjar interess ta’ kulħadd”, qal il-Ministru Schembri.