Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr200649

PR200649

10/04/2020

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA​: Imniedi helpline 24/7 għas-saħħa mentali tul l-imxija tal-Covid-19

​Il-Ministeru għas-Saħħa, b'kollaborazzjoni ma' Richmond Foundation, nieda l-helpline 1770, li se jkun disponibbli 24 siegħa kuljum biex tipprovdi l-għajnuna u l-appoġġ meħtieġ lill-persuni li jesperjenzaw problemi ta' saħħa mentali tul dawn iż-żminijiet.

 

Tul il-perjodu tal-imxija tal-Covid-19, 'il fuq minn tletin professjonist se jkunu disponibbli biex jagħtu l-appoġġ fejn meħtieġ jew biex jirreferu l-każ għal għajnuna psikoloġika ulterjuri, jekk ikun il-każ.

 

Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-pubbliku għandu jkun konxju li f'dawn iż-żminijiet anke persuni li qatt ma esperjenzaw problemi ta' saħħa mentali jafu jħossu l-bżonn li jitkellmu mal-professjonisti, u għalhekk ħeġġeġ lin-nies jagħmlu użu mill-helpline minflok jibqgħu siekta. Dan filwaqt li appella lil min diġà hu konxju li għandu kundizzjoni biex jieħu ħsieb il-benessere tiegħu u jitkellem mal-esperti b'mod regolari.

 

Id-Deputat Prim Ministru rringrazzja lil Richmond Foundation tal-kollaborazzjoni f'din l-inizjattiva.