gov.mt

pr200670

PR200670

15/04/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR €115,000 f’fondi mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu sabiex jitlesta x-xogħol ta’ manutenzjoni u restawr fuq il-Lascaris War Rooms u l-Mużew Time-Gun


 

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu se tkun qed tiffinanzja €115,000 sabiex jitkomplew u eventwalment jitlestew ix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni u restawr li għaddejjin fuq il-Lascaris War Rooms u l-Mużew Time-Gun fil-Belt Valletta. Dan ħabbritu l-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli kmieni llum fis-Saluting Battery fl-okkażjoni tat-78 anniversarju minn meta Malta ngħatat il-George Cross.

 

Ix-xogħol ta’ restawr qed tieħu ħsiebu l-Fondazzjoni Wirt Artna u qed isir fil-Lascaris War Rooms li jinsabu taħt il-Barrakka sabiex jiġu lura għall-istat oriġinali tagħhom li jikkumplimenta il-mużew il-ġdid Operation Husky li se jinfetaħ ħdejh. Apparti minn hekk, qed isiru wkoll xogħlijiet fuq mużew iżgħar, Time-Gun, li se jkun qed jikkumplimenta s-Saluting Battery. Minkejja l-pandemija li għaddejjin minnha bħalissa, l-isparatura sinonima mal-Barrakka u li tattira mas-700,000 turist, baqgħet issir kuljum f’nofsinhar.

 

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li din hija parti mill-istorja ta’ pajjiżna li timmerita li t-turist li jiġi jżurna jista’ jsegwi dak li ġara fl-imgħoddi. B’investiment ta’ €115,000 mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu hija tkellmet dwar kif dan il-proġett se jkompli jsaħħaħ il-prodott turistiku. Julia Farrugia Portelli sostniet li ż-żmien ta’ sfida li għaddejjin minnu bħalissa qed jiġi utilizzat bħala opportunità biex isiru xogħolijiet neċessarji biex eventwalment malli pajjiżna jkun jista’ jerġa’ jospita lit-turisti, dawn jaraw tisbiħ fuq numru ta' siti storiċi u postijiet pubbliċi bl-għan li ntejbu l-prodott turistiku tagħna.

 

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Dr Gavin Gulia qal li n-numru tat-turisti li jżuru pajjiżna hu importanti daqs kemm hu importanti wkoll il-prodott għaliex wara kollox it-turisti jżuru pajjiżna biex jaraw il-prodott tagħna. Huwa stqarr li bħala Awtorità qed jaħdmu biex jippromwovu lill-Belt Valletta bħala destinazzjoni bl-impenn tal-Awtorità jibqa’ dak li jinvestu u jikkonservaw il-prodott.

 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Wirt Artna s-Sur Mario Farrugia spjega li permezz tal-għajnuna li l-Fondazzjoni Wirt Artna qiegħda tirċievi mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u mill-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur se tkun tista’ tbiddel il-war rooms lura għall-istat oriġinali tagħhom proprju meta kienu jintużaw bħala headquarters għall-invażjoni ta’ Sqallija.

 

Is-Sindku tal-Belt Valletta s-Sur Alfred Zammit qal li l-Belt Valletta hija popolari ħafna mat-turisti,  fil-fatt aktar minn 90% tat-turisti li jżuru pajjiżna jżuru l-Belt Valletta. Huwa rringrazzja lill-Ministeru, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, u l-Fondazzjoni li permezz tal-ħidma tagħhom post ieħor fil-Belt se jkun rinovat b’tali mod li t-turist se jsibu fl-aqwa tiegħu. Huwa sostna li mhux biss għandu jgawdi minnu t-turist imma wkoll il-Malti li tajjeb li jinteressa ruħu fl-istorja ta’ pajjiżna.

 

​Preżenti kien hemm ukoll id-Direttur dwar l-Iżvilupp tal-Prodott fi ħdan l-istess Awtorità, is-Sur Kevin Fsadni.​

​​