Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr200711

PR200711

21/04/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR L-ITS iniedi l-prospett tiegħu għas-sena 2020-2021 u żewġ programmi pijunieri ġodda

​​

Waqt konferenza virtwali (link: https://www.facebook.com/ITSMalta/videos/699258487494875/?vh=e&d=n), l-Istitut għall-Istudji tat-Turiżmu (ITS) flimkien mal-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur nedew il-prospett tal-ITS għas-sena akkademika 2020-2021. L-applikazzjonijiet għall-programmi kollha issa huma wkoll miftuħa online.

 

Waqt il-konferenza, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli ħabbret li l-prospett jinkludi żewġ programmi akkademiċi ġodda, li huma l-ewwel tat-tip tagħhom madwar id-dinja. Dawn huma d-Diploma fl-Ivvjaġġar Favur il-Klima u l-Baċellerat tax-Xjenza fl-Immaniġġjar tas-Sigurtà tal-Għadis. Malta tinsab mill-ġdid fuq quddiem fil-promozzjoni ta' żewġ oqsma importanti ħafna: l-għadis, li huwa niċċa turistika importanti ħafna fil-gżejjer tagħna, u l-isfida tat-tibdil tal-klima u kif it-turiżmu jista' jkun ta' inqas dannu għall-klima. Il-lezzjonijiet għal dawn iż-żewġ programmi se jsiru mill-internet, mill-kampus tal-ITS f'Għawdex, bil-kors tal-għadis jinkludi wkoll  numru ta' sezzjonijiet prattiċi li se jsiru fil-baħar madwar Għawdex li hu meqjus bħala wieħed mill-aqwa destinazzjonijiet għall-għaddasa fid-dinja. Il-Ministru qalet ukoll li l-ITS, għal darb'oħra, wera li għandu rwol importanti fl-edukazzjoni u t-tħejjija tal-aħjar impjegati mħarrġa għall-industrija tat-turiżmu f'Malta u Għawdex, li dalwaqt tkun mistennija tagħti esperjenza ta' kwalità għolja lit-turisti li jżuruna matul is-sena kollha.

 

Id-Diploma fl-Ivvjaġġar Favur il-Klima, hija ta' Livell 4 u offruta b'kollaborazzjoni ma' SUNx. Hija l-unika diploma li anki jekk wieħed mhuwiex student tal-ITS jista' japplika għaliha. Dan il-programm ta' studju se jħarreġ lill-istudenti kif jappoġġjaw kumpaniji fl-industrija tal-ivvjaġġar u t-trasport biex jagħmlu l-bidliet meħtieġa ħalli jsiru newtrali għall-karbonju, fid-dawl tal-isfida globali attwali tal-bidla fil-klima.

 

Il-Kofundatur ta' SUNx, il-Professur Geoffrey Lipman, li ngħaqad fil-konferenza mill-Belġju, qal li SUNx Malta kuntenta li qed tikkollabora mal-ITS biex toffri l-ewwel Diploma fl-Ivvjaġġar Favur il-Klima fid-dinja, bil-ħsieb li toħloq impjiegi nodfa u ekoloġiċi li jnaqqsu l-kriżi tal-klima u joffru ġejjieni aħjar għat-tfal tagħna. Lipman faħħar ukoll il-viżjoni newtrali tal-Klima 2050 tal-Ministru Julia Farrugia Portelli.

 

Il-Baċellerat tax-Xjenza fl-Immaniġġjar tas-Sigurtà tal-Għadis, b'kollaborazzjoni ma' DAN Europe, huwa ta' Livell 6 u offrut permezz tal-Iskola Internazzjonali tas-Sigurtà fl-Għadis u l-Mediċina, skola li fetħet fl-2017 u li hi mħarrġa speċifikament minn DAN Europe u l-ITS, id f'id mal-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel Professjonali tal-Għaddasa (PDSA). L-għadis f'Malta mfittex minn 5% tat-turisti u, sena wara sena, Malta tkun ivvutata minn għaddasa internazzjonali bħala waħda mill-aqwa destinazzjonijiet għall-għadis madwar id-dinja.

 

B'komunikazzjoni diretta mill-Italja, il-President u l-Kap Eżekuttiv ta' DAN Europe, il-Professur Alessandro Marroni, qal li l-għads jimplika espożizzjoni ambjentali straordinarja li teħtieġ teknika apposta u sigurtà speċjalizzata. L-għan ta' dan il-kors huwa li jħarreġ professjonisti għal aktar żvilupp u sostenibbiltà fl-industrija tal-għadis f'Malta u globalment.

 

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, permezz ta' messaġġ awdjoviżiv, qal li t-tnedija ta' dawn il-programmi hi inizjattiva pożittiva, l-aktar għax se jsiru fil-kampus tal-ITS f'Għawdex. Hu qal li hu ħerqan biex jara n-nies japplikaw għal dawn il-korsijiet ħalli jkunu mgħammra għal dak li se jkun meħtieġ fil-futur qrib.

 

Minbarra dawn iż-żewġ programmi ġodda, il-prospectus tal-ITS jinkludi wkoll 23 kors modulari fi 13-il programm ta' studju li huma maqsuma f'diversi livelli. Dawn jibdew mill-programm bażiku (Foundation) ta' Livell 2 u jibqgħu tilgħin sal-grad ta' Masters ta' Livell 7 fil-Qafas tal-Kwalifiki ta' Malta. Il-korsijiet jinkludu l-oqsma tal-ivvjaġġar u t-turiżmu, id-diviżjoni tal-kmamar, is-servizzi tal-ikel u x-xorb, il-preparazzjoni tal-ikel, l-avvenimenti, il-gwidi tat-turisti, l-arti kulinari, l-immaniġġjar internazzjonali tal-ospitalità, u l-interpretazzjoni tal-patrimonju.

 

Ic-Chairman tal-ITS, Carlo Micallef, u l-Kap Eżekuttiv, Pierre Fenech, qalu li huwa ta' sodisfazzjon kbir għalihom li l-ITS qed iniedi żewġ programmi oħra b'kollaborazzjoni ma' istituzzjonijiet internazzjonali rispettati ħafna. Dan hu konformi mal-istrateġija globali u ta' eċċellenza tal-ITS.

 

Is-Sur Micallef qal li, iktar minn qatt qabel, qegħdin nagħrfu l-importanza tat-turiżmu għall-ekonomija Maltija u li l-ITS għandu rwol importanti li jeduka u jħejji impjegati mħarrġin għall-industrija tat-turiżmu f'Malta u Għawdex.

 

Il-prospett jinsab fis-sit tal-ITS www.its.edu.mt mal-informazzjoni rilevanti kollha.

 

L-applikazzjonijiet għall-programmi kollha jintlaqgħu elettronikament mill-istess sit.

​