Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr200728

PR200728

22/04/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ: Jaslu fl-aħħar fażi x-xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni fuq it-Torri l-Aħmar; sit turistiku fil-Mellieħa

​B’investiment ta’ iktar minn €306,000, waslu fl-aħħar fażi x-xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni fuq it-Torri ta’ Sant’Agata magħruf ukoll bħala t-Torri l-Aħmar, fil-Mellieħa. Dan ħabbritu l-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli waqt żjara fuq il-post. 


Dan il-proġett qed isir b’kollaborazzjoni mal-għaqda mhux governattiva Din l-Art Ħelwa u hu ffinanzjat mill-fondi tal-Unjoni Ewropea u ko-ffinanzjat mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. Dan il-proġett hu magħruf bħala The Northern Coastal Watch u jinkludi fih żewġ torrijiet oħra, wieħed f’Kemmuna u l-ieħor fid-Dwejra, Għawdex, b’investiment totali ta’ madwar miljun ewro. Bħala xogħlijiet esterni hemm dawk fuq il-faċċata hekk kif il-kulur aħmar li hu popolari għalih seta’ jerġa’ jagħti l-ħajja lil dan it-torri. Saru wkoll xogħlijiet fit-torri stess fosthom l-installazzjoni ta’ dwal ġodda u ċangaturi ġodda biex kemm jista’ jkun jerġa’ jsib ruħu fl-istat oriġinali tiegħu qabel beda jġarrab xi ħsarat.

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli esprimiet sodisfazzjon lejn dawn ix-xogħlijiet biex b’hekk ġawhra oħra li għandu pajjiżna u li tattira lejha mat-30,000 turist tiġi restawrata u kkonservata u ma tintilifx għall-ġenerazzjonijiet futuri. Saħqet li din hi parti mill-istrateġija tal-gvern biex f’dan iż-żmien tal-Covid isir aktar xogħol biex jissaħħaħ il-prodott turistiku inkluż dak kulturali. Bħalissa hemm sensiela ta’ proġetti ta’ restawr li qed isiru mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u li juru l-impenn tal-gvern fis-settur. Il-ministru rreferiet għall-kampanja internazzjonali ‘Oħlom issa … żurna ’l quddiem’ li għaddejja bħalissa f’diversi pajjiżi. Qalet li proġett bħal dan hu reklam biex it-turist jagħżel lil pajjiżna bħala l-ewwel destinazzjoni tiegħu wara l-Covid.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li siti storiċi, bħat-Torri l-Aħmar, huma eżempju ċar kif fondi tal-Unjoni Ewropea jintużaw biex nippreservaw il-wirt storiku Malti u nsaħħu l-prodott turistiku ta’ pajjiżna.

Dan il-proġett jinkludi xogħol fuq tliet fortifikazzjonijiet; it-Torri l-Aħmar, it-Torri tad-Dwejra u l-Batterija ta’ Santa Marija. Is-segretarju parlamentari enfasizza li fil-każ tat-Torri l-Aħmar, mhux talli se jkun hemm restawr tal-parti ta’ barra tal-binja imma se jsir ukoll rinnovar tal-parti ta’ ġewwa. Ikkonkluda li dan se jwassal biex kemm il-Maltin u anke t-turisti li se jkunu qed iżuru lil Malta jistgħu jgawdu u japprezzaw aktar l-istorja ta’ pajjiżna.

Maria Grazia Cassar f’isem Din l-Art Ħelwa qalet li x-xogħol baqa’ għaddej anke jekk minħabba d-direttivi tas-saħħa s-sit mhux miftuħ għall-pubbliku bħas-soltu. Dan ix-xogħol qed jiġi ffinanzjat bħala parti mill-proġett ERDF fi ħdan l-Operational Programme 2014-2020. Din l-Art Ħelwa tinsab grata lejn l-Awtorità tat-Turiżmu li pprovdiet il-finanzjament neċessarju.

Min-naħa tiegħu ċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Dr Gavin Gulia qal li l-Awtorità hi katalista fi proġetti bħal dawn. Qal li l-MTA hi impenjata fit-tip tal-prodott għax wara kollox l-għan hu li niġbdu lit-turisti lejn pajjiżna biex igawdu esperjenza ħolistika. 

Preżenti kien hemm ukoll il-Perit Kevin Fsadni, membri mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u membri oħra minn Din l-Art Ħelwa.