Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr200736

PR200736

23/04/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR U MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI Kollaborazzjoni fuq sett ta’ produzzjonijiet virtwali bejn l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u Heritage Malta

​​​

Fid-dawl taċ-ċirkostanzi straordinarji li qiegħdin ngħixu fihom bħalissa, Heritage Malta u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu għal darb’ oħra ħadmu flimkien, din id-darba sabiex jipproduċu sett ta’ produzzjonijiet uniċi li bihom jirriklamaw il-wirt kulturali u storiku Malti fi swieq turistiċi internazzjonali. 
 
Imħabbra llum fis-sit storiku ta’ Ħaġar Qim fil-Qrendi, dawn is-sett ta’ produzzjonijiet qosra jagħtu perspettiva ġdida ta’ siti u mużewijiet rinomati f’Malta u f’Għawdex, u dan billi jidħlu fid-dettall dwar fatti u kurżitajiet li ftit jafu dwarhom. 
 
“Ridna nagħtu nifs ġdid lin-narrattiva tagħna dwar il-wirt kulturali Malti”, irrimarka l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali José Herrera hekk kif sostna li l-filmati ġew prodotti bil-Malti u bl-Ingliż, iżda permezz tas-sottotitoli, dawn ser ikunu jistgħu jitgawdew f’diversi lingwi oħra, biex b’hekk tintlaħaq udjenza ikbar. 
 
Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli stqarret li, “din l-inizjattiva li qed inniedu llum tikkumplimenta l-istrateġija ħolistika li qed tiġi adottata fit-turiżmu, fejn l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qed tiffinanzja numru ta’ proġetti bil-għan li tużahom biex tippromwovi lil Malta”.
 
Dawn il-filmati joffru lill-pubbliku l-opportunità li jesplora l-iktar karatteristiċi uniċi tas-siti u l-mużewijiet tagħna. “Qegħdin inħarsu lil hinn minn dak li kważi kulħadd jaf dwarhom. L-għan ta’ din il-kollaborazzjoni huwa wkoll li nwasslu l-messaġġ tagħna lil hinn minn xtutna, peress li ħafna nies bħalissa huma d-dar u qed jippjanaw fejn għandhom iżuru meta tgħaddi din il-pandemija”, ikkonkludiet il-Ministru Julia Farrugia Portelli.

Il-Ministru Farrugia Portelli fakkret li l-ġimgħa l-oħra ġiet imnedija kampanja internazzjonali f’diversi lingwi, bil-għan li tattira barranin li joħolmu dwar pajjiżna llum u jżuruna aktar tard.
 
Din il-kollaborazzjoni hija l-aktar reċenti minn serje ta’ proġetti maħsuba bejn iż-żewġ entitajiet. Inizjattivi oħra jinkludu dawk marbuta ma’ Taste History li huma mmirati sabiex jattiraw numru konsiderevoli ta’ turisti lejn pajjiżna, kif ukoll sabiex iżuru s-siti ta’ Heritage Malta.
 
Is-Sur Anthony Scicluna, Chairperson ta’ Heritage Malta qal li din il-kollaborazzjoni tifforma parti minn investiment akbar li qiegħed isir speċjalment fil-qasam diġitali biex b’hekk, “ladarba l-ajruporti jerġgħu jiftħu, aħna nkunu lesti u minn ta’ quddiem biex nerġgħu nibdew nilqgħu lit-turist bl-aqwa mod.”
 
Il-Ministru Herrera u l-Ministru Farrugia Portelli esprimew is-sodisfazzjon tagħhom għal din l-inizjattiva, kif ukoll għall-mod kif iż-żewġ entitajiet ħadu vantaġġ minn dan il-perjodu uniku biex ifittxu opportunitajiet ġodda fis-setturi rispettivi tagħhom.
 
Il-Kap Eżekuttiv tal-MTA Johann Buttigieg, id-Deputat Kap Eżekuttiv u l-Marketing Manager Carlo Micallef, u l-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Noel Zammit, flimkien mas-Sindku tal-Qrendi David Schembri, attendew ukoll għat-tnedija uffiċjali.