Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201480

PR201480

01/08/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ: Approvati €21.9 miljun f’fondi Ewropej għall-Grand Harbour Clean Air Project

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi ħabbru li ġew approvati €21.9 miljun f'fondi Ewropej għall-Grand Harbour Clean Air Project li se jiġi implimentat minn Infrastructure Malta b'investiment totali ta' €49.9 miljun. Il-proġett mistenni jnaqqas it-tniġġis fl-arja kkawżat mill-cruise liners u l-bastimenti Ro-Ro fil-Port il-Kbir b'90%. Il-Port il-Kbir se jkun wieħed mill-ewwel portijiet Ewropej li se jħaddem din it-teknoloġija.

 

Il-Ministru Ian Borg qal, “Dan il-proġett se jkun it-tieni l-ikbar kotribut għal titjib fil-kwalità tal-arja f'pajjiżna wara t-tneħħija tal-power stations tal-Marsa u Marsaxlokk fl-2017. Studji preliminari wrew li Malta se tkun iffrankat madwar €375 miljun fi spejjeż relatati mal-konsegwenzi ta' dan it-tip ta' tniġġis fl-arja fi żmien 20 sena. Proġett ieħor ħolistiku li se jkun qed jikkontribwixxi għas-saħħa, għall-kwalità tal-infrastruttura marittima u għall-għanijiet ambjentali u tat-tibdil fil-klima nazzjonali u Ewropej. L-impenn tagħna jibqa' l-kwalità tal-ħajja u l-livell tal-għajxien f'pajjiżna, kif ukoll il-konservazzjoni tal-wirt tagħna, inkluż dak ambjentali."

 

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dan il-proġett huwa wieħed li jikkumplimenta l-miri tal-Unjoni Ewropea fejn it-tkabbir ekonomiku huwa inċentivat, iżda fl-istess ħin nimminimizzaw it-tniġġiż tal-ambjent.

 

Hu qal li dan l-investiment fil-Port il-Kbir ta' €22 miljun mill-fond ewropew 'Connecting Europe Facility' se jkun ta' benefiċċju kbir mhux biss għall-ambjent iżda anke għar-residenti. Dawn il-fondi huma fondi diretti li jmorru lil hinn mill pakkett finanzjarju li ksibna għas-seba' snin li ġejjin.

 

Is-Segretarju Parlamentari Azzopardi saħaq fuq l-importanza li dan il-proġett, li jrid iservi bħala mudell biex anke l-awtoritajiet tal-Freeport jirsistu għal proġett simili biex minnu jibbenefikaw ir-residenti ta' Birżebbuġa u tal-madwar.

 

Dan il-proġett se jkun qiegħed iwassal biex, permezz ta' interventi infrastrutturali, il-cruise liners u l-bastimenti Ro-Ro jkunu jistgħu jitfu l-magni u jużaw sors ta' enerġija nadifa mill-port stess. Dawn il-faċilitajiet se jkunu disponibbli l-ewwel f'Pinto Wharf, Deep Water Quay u Boiler Wharf u wara ser jiġu estiżi għal Laboratory Wharf u Fuel Wharf (Ras Ħanżir). L-ewwel tliet mollijiet mistennija jkollhom din il-faċilità sal-aħħar tal-2023.