Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201506

PR201506

06/08/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR U MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI Il-parkeġġ ta’ Birżebbuġa jidħol f’fażi ġdida


Il-proġett tal-parkeġġ pubbliku f'Birżebbuġa, biswit il-Freeport, daħal f'fażi oħra, dik tal-evalwazzjoni. Tmien kumpaniji wrew l-interess tagħhom f'dan il-proġett tant bżonnjuż għall-komunità ta' Birżebbuġa b'investiment ta' €3.2 miljun mill-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur permezz tal-Malta Freeport Corporation. Projects Plus Ltd, li qed tamministra dan il-proġett, ħarġet sejħa ftit tax-xhur ilu.

 

Dan il-proċess mistenni jdum madwar erba' ġimgħat, u sussegwentement isir il-kuntratt biex jibda mill-aktar fis possibbli x-xogħol wara li jintgħażel il-kuntrattur. Dan il-proġett mistenni jgħin drastikament lill-komunità ta' Birżebbuġa fejn jidħlu parkeġġi u l-kwalità tal-għixien tan-nies ta' Birżebbuġa u dawk li jiffrekwentaw dan il-lokal.

 

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg qal li, “determinati li nkomplu ninvestu f'soluzzjonijiet varji għas-settur tat-trasport tagħna, minn infrastruttura effiċjenti sa trasport aktar sostenibbli sa soluzzjonijiet ta' parkeġġ bħal dan. Il-ħidma tagħna f'dan is-settur taħdem bħal katina bi prinċipji olistiċi. M'hemmx soluzzjoni waħda one-size-fits-all u kull impenn jikkumplimenta lil ieħor. Inkoraġġanti ħafna li jkollna tmien kumpaniji interessati fi proġett tant bżonnjuż. Impenjati li nkomplu naħdmu id f'id bħala gvern u mal-privat favur kwalità ta' ħajja aħjar għall-Maltin u l-Għawdxin kollha".

 

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet li dan l-investiment ta' €3.2m huwa krucjali għal din iż-żona b'potenzjal turistiku qawwi.

 

“Dan hu l-bidu ta' pjan ta' riġenerazzjoni olistika fuq diversi binarji. Minbarra l-parkeġġ, il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur beda kullana ta' proġetti oħra fosthom il-Park tal-familja f'Bengħajsa, ir-Riġenerazzjoni ta' Triq San Patrizju, u l-istudji fil-Port Ħieles li għandhom ikunu l-pedamenti biex nimplimentaw il-proġett tax-shore-to-ship."​