Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201515

PR201515

08/08/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, L-UGWALJANZA U L-GOVERNANZA: Ippubblikati s-sitt atti storiċi dwar riformi istituzzjonali li għaddew unanimament mill-Parlament

Ġew ippubblikati sitt atti li fil-jiem li għaddew, għaddew b’mod storiku mill-Kamra tad-Deputati b’mod unanimu.

Il-liġijiet huma s-segwenti:

1. ATT sabiex jipprovdi għall-emendi fil-Kostituzzjoni ta’ Malta relattivi għall-ħatra tal-President ta’ Malta.
2. ATT sabiex jipprovdi għall-emendi fil-Kostituzzjoni ta’ Malta relattivi għall-ħatriet ta’ imħallfin u ta’ maġistrati.
3. ATT sabiex jipprovdi għall-emendi fil-Kostituzzjoni ta’ Malta u l-Att dwar Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, Kap. 369, relattivi għat-tneħħija mill-karigi ta’ imħallfin u ta’ maġistrati
4. ATT sabiex ikompli jimplimenta riformi fil-qasam tal-ġustizzja billi jipprovdi għal stħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet oħra tal-Avukat Ġenerali.
5. ATT sabiex jemenda l-liġijiet li jirregolaw l-Uffiċċju tal-Ombudsman.
6. ATT li jitratta emendi għat-tisħiħ tal-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni.

Dawn l-atti issa qed ibiddlu fost l-oħrajn il-mod ta’ kif jinħatar il-President tar-Repubblika; il-mod kif jinħatru u kif jitneħħew il-membri tal-ġudikatura; tisħiħ fl-Uffiċċju tal-Ombudsman fejn dan l-irwol issa ġie mnaqqax fil-Kostituzzjoni; u għall-provediment ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-Avukat Ġenerali.

Dan kien frott “djalogu strutturat” mal-Kummissjoni Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa, mibdi mill-Ministru Edward Zammit Lewis, li wassal biex f’Ġunju tal-2020 l-istess kummissjoni tagħti rapport eċċellenti lil dan il-gvern.

Dan wassal għal proċess leġiżlattiv fil-Kamra tad-Deputati u għal proċess ta’ djalogu anke mal-Oppożizzjoni, liema djalogu wassal għal qbil unanimu f’dawn il-liġijiet.

Il-pubblikazzjoni ta’ dawn l-atti se twassal biex pajjiżna jkompli jsaħħaħ ismu mhux biss fuq livell Ewropew iżda anke fuq livell internazzjonali. Qed nuru biċ-ċar li Malta hi nazzjon li fih hemm demokrazija effettiva u li fih teżisti rispett sħiħ lejn is-saltna tad-dritt u l-governanza tajba.

(L-atti jistgħu jinstabu billi wieħed jaċċessa din il-link https://legislation.mt/Acts)