Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201521

PR201521

10/08/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI Għaddej ġmielu x-xogħol fuq proġett ta’ €58 miljun favur akkomodazzjoni affordabbli minn Projects Plus Ltd u minn Malita Investments PLC

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg attenda għal preżentazzjoni minn Projects Plus Ltd u minn Malita Investments PLC fejn spjegaw ix-xogħlijiet li għaddejjin fuq 16-il sit f’9 lokalitajiet differenti favur il-bini ta’ 768 appartament, 270 garaxx u 350 car spaces. Dan il-proġett huwa stmat li se jiswa madwar €58 miljun u qed isir minn Malita Investments PLC fejn jidħol finanzjament u minn Projects Plus Ltd fejn tidħol konsultazzjoni.
 
Il-Ministru Ian Borg qal, “Il-Project Management huwa importanti għal pajjiżna. Għalhekk kburi li Projects Plus ġiet fdata minn Malta Investments biex toffri l-konsulenza u l-assistenza tagħha u biex naraw li dawk il-proġetti li nwiegħdu qed jitlestew u jaslu għand in-nies. Il-gvern għandu qalb soċjali u huwa kommess li jinvesti fil-kwalità tal-ħajja tan-nies. Jekk vera rridu naraw titjib tanġibbli, irridu niżguraw li l-poplu jkollu aċċess għal akkomodazzjoni affordabbli ta’ kwalità xierqa. Dak huwa l-għan aħħari ta’ dan il-proġett u se nkomplu ninvestu u naħdmu biex naraw li aktar u aktar proġetti bħal dawn jilħqu lin-nies. Sadanittant, għaddejjin ukoll b’investimenti varji fosthom ir-riabilitazzjoni ta’ binjiet abbandunati mill-GHRC għal użu simili mill-poplu tagħna.”
 
Malita Investments PLC assigurat l-iffinanzjar ta’ dan il-proġett mill-Bank ta’ Żvilupp tal-Kunsill tal-Ewropa (CEB) u mill-Bank Ewropew tal-Investiment (EIB). Sadanittant, Projects Plus Ltd għandha rwoli varji fosthom l-estimi tal-proġett, assistenza fil-pubblikazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ tenders fi stadji differenti, assistenza teknika biex jiġu żgurati standards, kumpilazzjonijiet tax-xogħol involut u assistenza oħra. Il-proġett jinkludi sit f’Ħal Luqa, sit f’Ħ’Attard, sit fis-Siġġiewi, 3 siti fil-Qrendi, sit f’Birkirkara, sit fl-Imsida, sit fiż-Żurrieq, 4 siti f’Ħal Kirkop, sit f’Bormla u 2 siti f’Ħaż-Żebbuġ. 11 minn fost dawn is-16-il sit jinsabu fl-istadju tal-kostruzzjoni.
 
Ritratti (MTIP)​​