Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201543

PR201543

12/08/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Liċenzja ta’ apprendistat għal studenti gwidi turistiċi

Minn dan ix-xahar studenti li qegħdin jaspiraw li jsiru gwidi turistiċi se jkollhom l-opportunità ta' esperjenza diretta fil-karriera futura tagħhom. Dan b'riżultat ta' introduzzjoni ta' liċenzja ta' apprendistat li permezz tagħha studenti gwidi se jkunu jistgħu jipprattikaw ix-xogħol ta' gwida matul is-sajf, u anke wara, taħt is-superviżjoni ta' gwida liċenzjata jew għalliem professjonali. Dan wara proċess ta' konsultazzjoni u ftehim li ntlaħaq mal-MUTG, il-union Maltija għall-gwidi turistiċi.

 

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli ddeskriviet din il-bidla bħala, “strument biex ikompli jinċentiva liż-żgħażagħ tagħna lejn karriera f'industrija daqstant importanti. Sa issa studenti li jaspiraw li jsiru gwidi turistiċi ma kienx qed ikollhom l-opportunità ta' esperjenza diretta peress li l-liġi ma tippermettix li persuna jkollha t-titlu jew isservi ta' gwida turistika sakemm ma tkunx liċenzjata mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. Issa, bl-introduzzjoni ta' liċenzja ta' apprendistat studenti gwidi fis-sitt xahar tal-istudji tagħhom jew wara li jakkwistaw 60 ECTS credits se jkunu jistgħu jagħmlu dan ix-xogħol."

 

Sal-lum, il-liġi kienet tesiġi wkoll li sabiex persuna taħdem bħala gwida turistika jrid ikollha kwalifikazzjoni ta' Livell 5 min-National Qualifications Framework f'suġġett relatat. Għaldaqstant il-liġi preżenti ma tippermettix student gwida li jipprattika fuq il-post tax-xogħol il-linja li qed jistudja għaliha minkejja li jkun taħt is-superviżjoni ta' gwida professjonali. B'riżultat ta' dan, l-istudent jispiċċa jgħaddi mill-istadju ta' adattament f'ambjent ta' xogħol li ma jkunx daqstant relatat ma' dak li jkun qed jistudja.

 

Il-kors ta' gwida turistika huwa offrut mill-Istitut għall-Istudji Turistiċi, l-ITS. Fis-snin li għaddew l-ITS b'konsultazzjoni mal-MTA u mal-Malta Union of Tourist Guides kienu daħlu għal proċess sabiex isiru numru ta' emendi neċessarji biex tkompli togħla l-kwalità.​