Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201558

PR201558

16/08/2020

STQARRIJA MIS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI

Nirreferi għar-rapporti fil-mezzi tax-xandir dwar arrest li sar fil-konfront ta' ħija li wassal biex illum ittella' l-Qorti b'rabta ma' allegazzjonijiet ta' ħasil ta' flus.

 

Niddikjara li m'għandi assolutament l-ebda rabta jew l-iċken idea fuq l-operat ta' ħija. Kemm fil-ħajja privata kif ukoll fl-irwol professjonali tiegħi, jiena dejjem kont responsabbli mill-aġir tiegħi u ħija mexa fit-toroq tiegħu b'mod għal kollox indipendenti. 

 

Għalhekk, naturalment ma kelli xejn x'naqsam jew ma ġejt ikkonsultat bl-ebda mod meta ħija ngħata l-kariga tiegħu f'Beijing u aktar 'il quddiem f'Shanghai, fiċ-Ċina.

 

Minkejja dawn il-fatti, malli ġie għall-attenzjoni tiegħi li ħija ġie arrestat, jien immedjatament ktibt uffiċjalment lill-Kummissarju tal-Pulizija fejn għidtlu li jekk il-Pulizija tħoss li għandha tara jew tistaqsi dwar kull materja finanzjarja li tikkonċerna lili llum jew fl-imgħoddi, jiena ninsab dispost li nagħti l-aċċessi kollha meħtieġa u mitluba.

 

Sa llum, fl-ebda ħin u bl-ebda mod, ma kont involut jew mistoqsi dwar l-allegazzjonijiet jew l-investigazzjonijiet tal-Pulizija fil-konfront ta' ħija. Fl-ebda ħin ma ndħalt fil-proċess tal-Pulizija li wassal biex ħija ttella' l-Qorti.

 

Din hija xhieda ċara li, f'dan il-pajjiż, l-istituzzjonijiet jaħdmu, fil-konfront ta' kulħadd, huma min huma l-individwi.

 

F'dan il-każ, bħal f'kull każ ieħor, nemmen li l-Pulizija u l-Qrati se jagħmlu x-xogħol tagħhom b'reqqa, biex iwasslu għal ġustizzja fejn kwalunkwe persuna, hu min hu, jekk jinstab ħati, jkollu jħallas għal għemilu.

 

Sadanittant, bħala Kap taċ-Ċivil, jiena għadni kemm tajt struzzjonijiet biex b'mod immedjat jiskattaw il-proċeduri għall-passi dixxiplinari meħtieġa hekk kif stabbiliti mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku u mingħajr ebda involviment min-naħa tiegħi.​