Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201565

PR201566

17/08/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, L-UGWALJANZA U L-GOVERNANZA Inħatret il-Kummissjoni ta’ Ħatra għall-post ta’ Avukat Ġenerali ġdid

Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis iħabbar li waqqaf Kummissjoni għall-Ħatra ta' Avukat Ġenerali ġdid, skont l-Art. 2 tal-Kapitlu 90 tal-Liġijiet ta' Malta. Dan il-proċess, li se jkun wieħed mill-aktar trasparenti, se jitmexxa mill-Imħallef Emeritus Michael Mallia, bl-Imħallfin Emeriti Lawrence Quintano u Antonio Mizzi bħala membri.

 

Permezz tal-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza, il-Kummissjoni ta' Ħatra fi żmien qasir se tippubblika fil-Gazzetta tal-Gvern sejħa għall-post vakanti ta' Avukat Ġenerali.

 

Dan seħħ wara r-riforma importanti li twettqet fis-sena 2019, meta l-Gvern issepara l-poteri tal-uffiċini tal-Avukat tal-Istat u tal-Avukat Ġenerali. Dan il-Gvern kompla jsaħħaħ l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ewlieni f'pajjiżna, u se jibqa' jwettaq dan fix-xhur li ġejjin.

 

Il-Ministru Edward Zammit Lewis itemm jirringrazzja lill-Avukat Ġenerali uxxenti Dr Peter Grech għas-servizz li ta lill-Istat Malti tul l-għaxar snin li għamel iservi f'din il-kariga.​